Somalu ta’ 17-il sena li għandu problema ta’ alkoħol ġie kundannat sitt xhur ħabs sospiżi għal tliet snin wara li ammetta quddiem il-Maġistrat Anthony Vella li nhar it-Tlieta li għaddew seraq “handbag” b’diversi oġġetti fih, propjetà ta’ Catherine Phelan, tfajla Irlandiża.
Huwa ammetta li seraq oġġetti bħal mobile, portmoni bil-flus, oġġetti oħra u dokumenti li kienu tal-Irlandiża u dan f’Pembroke għall-ħabta tat-tlieta ta’ filgħodu. L-ammont misruq jaqbeż il-valur ta’ €233, iżda anqas minn €2,333.
Huwa ammetta li seraq flus u affarijiet oħra. Kien mixli wkoll li fil-lejl ta’ bejn it-13 u l-14 ta’ Mejju li għadda f’San Ġiljan għen persuni, awturi ta’ delitt ta’ serq għad-dannu ta’ James Ahren Grech u persuna oħra.
Xehdet Charmaine Attard, li hija uffiċjal tal-probation li qalet li s-Somalu huwa persuna li jikkopera ħafna magħha, iżda minkejja li ilha tassistih minn Frar li għadda, hija ftit li xejn ratu għax ta’ spiss jiġi rrappurtat nieqes.
Hija qalet li kollox jindika li l-problema li għandu huwa li meta joħroġ u jmur f’postijiet bħal San Ġiljan u Paċeville, jikkonsma ħafna alkoħol u għalhekk jinbidel. L-Avukat tal-Għajnuna Legali Noel Bartolo qal li kollox jindika li s-Somalu ma jibqax jirraġuna meta jisker u li għandu bżonn l-għajnuna. Minn naħa tiegħu l-Ispettur James Grech li flimkien mal-Ispettur Trevor Micallef mexxa l-Prosekuzzjoni qal li din mhux l-ewwel darba li l-akkużat daħal fl-inkwiet.
Qal li qegħdin jidħlu rapporti ta’ ħames serqiet kuljum u ħafna minnhom bi vjolenza, u li potenzjalment, huma xogħol l-akkużat. Qal li meta ġie arrestat, fuqu nstabu diversi oġġetti u għalhekk huwa jemmen li piena ta’ ħabs f’ċirkostanzi bħal dawn, tkun l-aħjar piena.
L-Avukat Bartolo ma qabilx għax qal li l-akkużat għajnuna għandu bżonn u l-ħabs żgur li mhux se jservi ta’ għajnuna. Il-Qorti minbarra sentenza sospiża poġġietu taħt uffiċjal tal-probation għat-tliet snin li ġejjin, u wissietu li jekk ma jobdihiex, allura s-sitt xhur ħabs isiru effettivi.