Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Spjegat il-proċess elettorali wara li jagħlqu l-postijiet tal-votazzjoni s-Sibt li ġej

Fis-Sala tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar, kollox jinsab lest biex wara li s-Sibt fl-10pm tagħlaq il-votazzjoni għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, jibdew jaslu l-kaxxi bil-voti mill-postijiet tal-votazzjoni f’Malta u f’Għawdex ħalli wara jsir l-għadd tal-voti. F’konferenza tal-aħbarijiet fiċ-Ċentru tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar, il-Kummissjoni Elettorali spjegat il-proċess kollu minn xħin jaslu l-kaxxi, sa xħin joħroġ ir-riżultat uffiċjali, kif ukoll ingħataw ċifri dwar dawk eliġibbli biex jivvutaw u anke dwar il-votazzjoni speċjali li saret is-Sibt li għadda.

Il-Kummissjonarju Elettorali Ewlieni Joe Church qal li sal-bieraħ filgħaxija kien fadal kważi 25,000 Dokument tal-Vot x’jinġabru. Min għadu mingħajr id-Dokument tal-Vot f’idejh jista’ jiġbru sa għada f’12am mill-Uffiċċju tal-Kummissjoni Elettorali fil-Belt jew mill-Uffiċċju tal-Karta tal-Identità fi Pjazza San Franġisk fir-Rabat Għawdex. Dawk li tilfu d-Dokument tal-Vot jistgħu japplikaw għal wieħed ġdid sad-9pm tal-lum.

B’kollox hemm 344,374 voti reġistrati, li 7,880 minnhom huma ċittadini Ewropej li jistgħu jivvutaw f’Malta. Malta se tkun distrett wieħed għall-kandidati kollha li se jikkontestaw. Fil-votazzjoni kmieni li saret is-Sibt li għadda fid-Djar tal-Anzjani, inkluż f’San Vinċenz, u għal dawk li ħadu ġurament li nhar is-Sibt li ġej se jkunu msefrin jew se jidħlu l-Isptar kienu eliġibbli biex jivvutaw total ta’ 5,127 persuna.

Nhar is-Sibt se jsiru wkoll elezzjonijiet għall-Kumitati Amministrattivi f’ħames lokalitajiet żgħar, magħrufa bħala hamlets: is-Swatar, il-Madliena, Gwardamanġa, Tal-Virtù u l-Kappara. F’dan il-każ, il-votazzjoni ssir b’sempliċi Karta tal-Identità. B’kollox kellhom isiru 16-il elezzjoni f’dawn il-hamlets, iżda fil-bqija tal-postijiet ma ħarġux biżżejjed kandidati jew ħarġu eżatt kemm kien hemm bżonn. Dawn il-voti jingħaddu s-Sibt, 31 ta’ Mejju.

Louis Fsadni, li hu Uffiċjal tal-Kummissjoni Elettorali, qal li malli tagħlaq il-votazzjoni nhar is-Sibt fl-10pm, jibdew jinfetħu l-kaxxi tal-votazzjoni kmieni u tad-Djar tal-Anzjani. Il-voti jitpoġġew wiċċhom ‘l isfel u jinġabru f’pakketti ta’ 50. Il-kaxxi li jaslu fis-Sala tal-Għadd tal-Voti s-Sibt bil-lejl ukoll jinfetħu u l-voti jitpoġġew wiċċhom ‘l isfel u jitqassmu f’pakketti ta’ 50. Dan il-proċess għandu jkun lest sal-Ħadd f’12pm meta jibda s-sorting tal-voti fil-garżelli tal-kandidati, skont il-preferenzi tal-votanti.

Il-kwota tinħadem fuq l-ammont ta’ voti validi li jiġi diviż f’sebgħa u jiżdied vot wieħed mat-total. Hu mistenni li l-ewwel għadd uffiċjali joħroġ sa 12am tal-Ħadd jew ftit wara. B’kollox qed jikkontestaw l-elezzjoni għall-Parlament Ewropea total ta’ 32 kandidat: 11 f’isem il-PN, 12 f’isem il-PL, 2 f’isem l-AD u 7 f’isem partiti oħrajn żgħar.