Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Aktar minn 23,000 Dokument tal-Vot kienu għadhom mhux miġbura sal-bieraħ filgħaxija

Fadal issa biss ftit sigħat biex min għadu ma ġabarx id-Dokument tal-Vot tiegħu biex is-Sibt li ġej jivvota fl-elezzjoni għall-Parlament Ewropew, imur jiġbru mill-Uffiċċju tal-Kummissjoni Elettorali f’Evans Building fil-Belt jew mill-Uffiċċju tal-Karta tal-Identità fir-Rabat Għawdex. Dan jista’ jaghmlu sa 12am u wara dak il-ħin ma jitqassmux aktar voti.

Sal-bieraħ filgħaxija kien għad fadal 23,600 Dokument tal-Vot (7%) mhux miġbura, filwaqt li ħames snin ilu, fl-istess elezzjonijiet Ewropej, kienu baqgħu ma tqassmux 5%. Fl-elezzjoni tas-Sibt li ġej dawk bid-dritt tal-vot jammontaw għal 344,374. Is-Sibt li ġej, il-postijiet tal-votazzjoni jiftħu fis-7am u jagħlqu fl-10pm, filwaqt li l-għadd tal-voti se jsir fiċ-Ċentru tan-Naxxar wara li l-kaxxi jibdew jaslu mill-ewwel, jinfetħu u l-voti jitqassmu f’pakketti ta’ 50. Il-proċess tas-sorting u t-tqassim skont il-prefrenza tal-votant mhux se jibda qabel il-Ħadd f’12pm.

Sadanittant, filwaqt li s-Sibt li għadda vvutaw ir-residenti tad-Djar tal-Anzjani u dawk li ħadu ġurament li s-Sibt li ġej se jkunu msefrin jew deħlin l-Isptar għal xi intervent, illum qed jivvutaw dawk li jinsabu rikoverati fl-Isptarijiet madwar Malta u Għawdex. Anke fil-każ tal-lum għall-pazjenti f’Mater Dei, Karin Grech, Monte Carmeli u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, il-votazzjoni bdiet fis-7am u tibqa’ għaddejja sal-10pm.

Għada, imbagħad, jivvota l-istaff elettorali li s-Sibt se jkun xogħol fuq il-proċess elettorali.