Fl-aħħar ġurnata tal-kampanja elettorali għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u fl-aħħar attività pubblika li fiha seta’ jwieġeb mistoqsijiet tal-ġurnalisti, il-Prim Ministru Joseph Muscat irnexxielu jaħrab u jevita lill-media waqt żjara li għamel f’Pender Place f’San Ġiljan. Fi tmiem il-konferenza tal-aħbarijiet f’Pender Place, Muscat ittieħed iżur partijiet mix-xogħolijiet li qed isiru fit-tieni fażi tal-bini ta’ dan il-proġett, bil-ġurnalisti jibqgħu jistennew lill-Prim Ministru kif isir issoltu fil-post fejn saret il-konferenza tal-aħbarijiet.
Minkejja li għal din il-konferenza tal-aħbarijiet attendew l-istazzjonijiet u l-gazzetti lokali kollha bil-ġurnalisti, fotografi u cameraman, dawn baqgħu jistennew lil Muscat biex iwieġeb il-mistoqsijiet bl-istess mod li jsir issoltu wara l-konferenzi tal-aħbarijiet tal-Prim Ministru. Wara xi ħin li l-Prim Ministru baqa’ ma tfaċċax, Uffiċjal mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru nforma lill-ġurnalisti li Muscat mhux se jagħti kummenti u li dan kien diġà telaq mill-post għax ried imur l-istazzjon Laburista Super One.
Jidher li din l-istrateġija kienet ippjanata minn qabel minħabba li, kuntrarju għal dak li jsir issoltu, il-ġurnalisti u l-cameramen ma tħallewx jakkumpanjaw lill-Prim Ministru meta dan żar il-proġett u x-xogħolijiet f’Pender Place. La l-Prim Ministru u lanqas il-Partit Laburista ma kellhom aktar attivitajiet ippjanati għal tul il-ġurnata, ħlief Rally ta’ tmiem il-kampanja tard illejla.
Sadanittant, matul l-attività ta’ dalgħodu l-Prim Mnistru qal li l-pajjiż għandu domanda kbira għall-akkomodazzjoni ta’ kwalità bħal Pender Place. Bħala raġuni għal dan, il-Prim Ministru semma l-barranin li qed jixtru ċ-Ċittadinanza Malttija.
Muscat qal li l-investiment ta’ €50 miljun f’Pender Place hu turija tal-fiduċja fl-ekonomija Maltija filwaqt li kompla li anke l-qasma tal-MEPA f’żewġ entitajiet qed tikkontribwixxi għal anqas burokarazija. Pender Place f’Paceville hu proġett mibni mis-settur privat taħt Gvern Nazzjonalista u l-permssi jmorru lura għall-2007. Il-proġett jinkludi appartamenti residenzjali lussużi flimkien ma’ elementi kummerċjali.
//= $special ?>