Id-Deputata Laburista Marlene Farrugia għal darb’oħra użat Facebook biex tfakkar kif il-Gvern qed jikser il-wegħdiet tiegħu stess b’diversi deċiżjonijiet u azzjonijiet li sar fl-aħħar jiem. F’post li tellgħet kmieni wara nofsinhar, Marlene Farrugia ppubblikat deċiżjoni tal-Awtorità tax-Xandir dwar l-ilment li sar mill-Alleanza Bidla kontra x-xandir tal-istat.
Fl-ilment, Ivan Grech Mintoff ilmenta li d-dibattitu tal-panel bejn it-tliet rappreżentanti tal-partiti ż-żgħar ixxandar ferm wara 12am, kif ġara wkoll bil-profil ta’ 30 sekonda dwar Grech Mintoff stess. Fid-deċiżjoni tagħha, l-Awtorità tax-Xandir sabet li x-xandir tal-istat naqas meta xandar din l-intervista wara 12am.
Dwar dan kollu, Marlene Farrugia kitbet li “Jekk ahna l-Moviment tad-drittijiet Ċivili, kif bħala Gvern ħallejna dan iseħħ mill-PBS, l-istazzjon Nazzjonali?” Fil-post tagħha, id-Deputata Laburista staqsiet ukoll: “Jekk aħna l-Moviment tad-drittijiet Ċivili u l-paladini tad-Demokrazija, kif il-One weħel multa wkoll li ser titħallas bil-ftit mingħand il-hafna, biex Laburisti ohra jew kienu x’kienu ma jsemmgħux leħinhom?”
Marlene Farrugia temmet il-post tagħha b’wieħed mis-slogans li l-Partit Laburista kien juża’ qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet: “Tista’ ma taqbilx magħna, iżda tista’ taħdem magħna”.
//= $special ?>