Lokali

Għadu ma sabx garaxx sena wara li Mangion ngħata kuntratt

Illum jaħbat propju għeluq is-sena minn meta William Mangion kien ingħata kuntratt biex isib garaxx fejn bands Maltin ikunu jistgħu jipprattikaw il-mużika tagħhom.

L-ittra tal-ħatra ħarġet direttament mill-Prim Ministru Joseph Muscat u l-kuntratt ta’ William Mangion, fosthom is-salarju u l-perkaċċi li ngħata, baqa’ mistur. Immedjata u negattiva kienet ir-reazzjoni fix-xena mużikali lokali għal din il-ħatra.

It-tfittxija għal dan il-garaxx ideali saħansitra waslet fil-Parlament meta għal mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Charlo Bonnici, Karmenu Vella, dak iż-żmien Ministru responsabbli mill-kultura, qal li kien identifikati numru ta’ siti f’żoni ċentrali. Dan kien fl-24 ta’ Ġunju tas-sena li għaddiet.

Minn dakinhar ma nstema’ xejn iktar dwar it-tfittxija ta’  William Mangion ħlief għall-artiklu f’The Malta Independent f’Novembru li għadda. Sitt xhur wara li ngħata l-mandat biex isib dan il-post, William Mangion qal li din it-tfittxija tieħu ż-żmien u kien qal li sakemm ħareġ il-baġit ftit tal-jiem qabel, hu ma kellu ebda gwida finanzjarja. Il-mistoqsija tiġi waħedha: x’kien qed ifittex William Mangion fis-sitt xhur ta’ qabel ladarba ma kellux baġit?

Issa li għaddiet sena, dan is-sit baghat numru ta’ mistoqsijiet lil Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici, li wara r-reshuffle ta’ Marzu li għadda, sar responsabbli mill-qasam tal-kultura. Staqsejna lil Ministru Bonnici jekk William Mangion irnexxiex fil-missjoni li kien fdat biha. Staqsejna wkoll jekk il-kuntratt tiegħu, ġiex imġedded. Iżda ma ngħatajna ebda tweġiba mill-Ministeru.