Għawdex Lokali

Il-Ministru għal Għawdex japprova sitt transfers: jinħoloq kaos fl-isptar

Pazjenti f’diversi swali fl-Isptar Mater Dei, il-Ħamis sabu ma wiċċhom sitwazzjoni mhux tas-soltu meta kellhom bżonn jittiħdilhom id-demm biex ikunu jistgħu jsiru testijiet. Minkejja li kienu qed jistennew li jittiħdilhom id-demm, fl-isptar ma kienx hemm biżżejjed speċjalisti biex jagħmlu dan.

Jirriżulta li l-kawża ta’ din is-sitwazzjoni kienet li sitt phlebotomists, jiġifieri speċjalisti li xogħolhom hu li jieħdu samples tad-demm lill-pazjenti, ma rrapurtawx għax-xogħol fl-Isptar Mater Dei, imma minflok marru fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex fuq ordni tal-Ministru għal Għawdex Anton Refalo. Dan sar mingħajr l-ebda konsultazzjoni mal-awtoritajiet tas-saħħa fl-Isptar Mater Dei tant li l-awtoritajiet tal-isptar sabu ma wiċċhom din il-problema malli daħlu x-xogħol mingħajr lanqas biss ġew avżati li kienu ġew awtorizzati dawn it-transfers.

Filfatt, l-awtoritajiet tal-isptar kellhom iċemplu lill-uffiċċju tal-Prim Ministru biex isiru jafu minn fejn kienet ħarġet din l-ordni mingħajr konsultazzjoni. Fid-dawl ta’ dan, huma ma kellhomx triq oħra ħlief li numru ta’ pazjenti ma jittiħdilhomx id-demm jew li jdumu ħin twil jistennew.

Dawn il-phlebotomists kien ilhom xhur li għamlu talba biex imorru jaħdmu Għawdex. Imma filwaqt li għal tul ta’ żmien ma ġara xejn fuq it-talba tagħhom, jumejn qabel l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew, mil-lum għall-għada nħarġet l-ordni biex dawn is-sitt persuni l-Ħamis filgħodu jirrapurtaw fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex, kif filfatt għamlu.
Kienu tnejn biss minn dawn is-sitt phlebotomists, li kellhom raġuni personali valida għaliex imorru jaħdmu f’Għawdex filwaqt li l-oħrajn xtaqu dan it-trasferiment biex ma jkollhomx għalfejn jinżlu minn Għawdex lejn Malta ta’ kuljum.

Dan is-sit jinsab infurmat li minħabba li l-isptar inqabad b’nuqqas kbir ta’ phlebotomists mil-lum għall- għada, il-persuni li ġew trasferiti lejn Għawdex intalbu jirritornaw lura lejn Malta.
Filfatt, it-trasferiment ta’ dawn l-ispeċjalisti ġie pospost biss bi ftit jiem hekk kif fil-jiem li ġejjin fl-Isptar Mater Dei mistenni jiddaħħlu jaħdmu grupp ta’ phlebotomists ġodda. B’hekk dan ifisser li dawn is-sitt phlebotomists ngħataw transfer lejn Għawdex jumejn biss qabel l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew tas-Sibt li ġej; deċiżjoni mgħaġġla li se twassal biex dawn is-sitt speċjalisti jinġabu lura Malta biex ftit jiem oħra jerġgħu lura Għawdex – tliet transfers fi ftit jiem.