Futbol Lokali Sport

Il-PN jifraħ lill-MFA għall-organizzazzjoni tal-kampjonat Ewropew U/17 tal-UEFA

Il-Partit Nazzjonalista feraħ lill-Malta Football Association (MFA) għall-mod impekkabbli kif organizza l-kampjonat Ewropew U/17 tal-UEFA f’pajjiżna matul l-aħħar ġimgħat. Is-suċċess ta’ dan il-kampjonat hu dovut lil kull min kien involut fl-organizzazzjoni u li ta l-kontribut tiegħu ħalli Malta setgħet tingħata l-aqwa reklam mad-diversi timijiet barranin li ħadu sehem f’dan il-kampjonat.

Fi stqarrija f’isem il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għaż-Żgħażagħ u Sport Robert Cutajar, il-PN qal li l-kampjonat Ewropew U/17 tal-UEFA kien avveniment li reġa’ wera li minkejja li Malta hi fost l-iżgħar nazzjonijiet fl-Ewropa, xorta erġajna konna kapaċi ntellgħu avveniment daqstant ta’ prestiġju. Ir-reklam li ngħata pajjiżna fuq il-media internazzjonali matul dawn l-aħħar ġimgħat żgur li se jkompli jgħin biex pajjiżna jkompli jattira attivitajiet oħra ta’ dan il-livell.

Il-kliem ta’ tifħir li ngħatat l-MFA mill-ogħla uffiċjali tal-UEFA li kienu f’pajjiżna, kif ukoll mill-pajjiżi li ħadu sehem f’din il-kompetizzjoni, hu xhieda tas-suċċess miksub fl-organizzazzjoni tal-kampjonat. Il-PN awgura li l-MFA, taħt it-tmexxija tal-President Norman Darmanin Demajo u l-Kap Eżekuttiv Bjorn Vassallo, tkompli tibni fuq dan is-suċċess ħalli flimkien mal-klabbs ikomplu jaħdmu b’risq l-isport f’pajjiżna. Minbarra l-organizzazzjoni u r-riżultati, għandna nibqgħu naraw li ma jintilfu qatt il-valuri veri tal-isport.

Il-PN feraħ ukoll lit-tim Malti U/17, li ħa sehem ukoll fil-kampjonat. Żgur li minkejja li ma nkiseb l-ebda rebħ ta’ punti, wieħed seta’ jammira u jirrikonoxxi li ż-żgħażagħ Maltin ħarġu minn dan l-avveniment b’rashom mgħollija. Punt ieħor pożittiv kien il-parteċipazzjoni tat-tfal tul il-kampjonat. Dan għandu jkun il-bażi li fuqu trid tkompli tinbena aktar kultura favur l-isport f’pajjiżna, mhux biss fil-futbol iżda fl-isport kollu b’mod ġenerali.