Din il-kampanja elettorali għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew siltet id-differenzi bejn iż-żewġ partiti ewlenin. Filwaqt li fuq naħa, il-Partit Nazzjonalista wassal diversi proposti anki mill-Oppożizzjoni biex jitħarsu d-drittijiet u jinċentivaw il-ħolqien tax-xogħol, fuq in-naħa l-oħra l-Partit Laburista hu mehdi biex jaqdi lil tal-qalba. Sostna dan is-Segretarju Ġenerali tal-PN Chris Said waqt l-aħħar konferenza tal-aħbarijiet qabel it-tmiem tal-kampanja elettorali għall-elezzjoni tas-Sibt li ġej.
Il-PN għażel kampanja li fiha kien il-vuċi tan-nies u qrib in-nies, minkejja d-diffikultajiet finanzjarji u l-isfidi organizzativi u ftit aktar minn sena wara riżultat elettorali li ta maġġoranza ta’ 36,000 vot lill-PL. Min-naħa l-oħra, kompla Chris Said, il-Gvern Laburista qed jinjora l-problema dejjem tikber tal-qgħad, li issa qed ilaħħaq it-8,000 u l-ekonomija li turi sinjali nkwetanti b’nuqqas ta’ bejgħ u esportazzjoni. Madankollu, il-PL ħaseb għall-1,400 persuna tal-qalba li daħħalhom mal-Gvern.
Differenza wkoll fil-qasam tal-mediċini. Chris Said fakkar kif fl-aħħar nofs tal-leġiżlatura, Gvern Nazzjonalista raħħas aktar minn 300 mediċina. F’14-il xahar ta’ Gvern Laburista, mhux biss ma sar ebda roħs, talli l-problema tal-mediċini out of stock splodiet u qed issir diskriminazzjoni fl-għoti tal-mediċini. Fuq kollox, qal is-Segretarju Ġenerali tal-PN, jispikka l-ħabi, it-tkaxkir tas-saqajn u l-gideb tal-Gvern Laburista dwar il-kuntratt ma’ Henley & Partners għall-bejgħ taċ-Ċittadinanza Maltija.
Chris Said qal li b’dan il-kuntratt, Henley & Partners se ddaħħal madwar €200 miljun mhux minn xi prodott jew minn xi idea inovattiva, iżda mill-bejgħ taċ-Ċittadinanza Maltija u Ewropea, li hi tagħna. Chris Said sostna li l-Kap tal-PN Simon Busuttil ilu diversi ġimgħat li sejjaħ biex jiltaqa’ l-Kumitat ta’ Skrutinju kif mitlub mil-Liġi, iżda dan baqa ma’ tlaqqax.
Chris Said qal li s-Sibt li ġej, il-poplu għandu ċ-ċans isemma’ leħnu u jibgħat messaġġ lill-Gvern. Jista’ jagħmel dan billi jivvota lil tim ta’ 11-il kandidat li huma kapaċi, nodfa u fuq kollox konvinti dwar l-Unjoni Ewropea u post Malta fiha.
//= $special ?>