Qorti

Każ ta’ allegat frodi fil-konfront ta’ kumpanija minn mara li kienet impjegata magħha

Quddiem il-Maġistrat Anthony Vella kompla jinstema’ l-każ ta’ Annabelle Monreal, ta’ 28 sena mix-Xemxija, mixlija bi frodi fil-konfront ta’ kumpanija li kienet taħdem magħha. Il-każ kien allegatament seħħ f’Mejju 2013 meta Monreal kienet impjegata mal-kumpanija Zahra Trading and Properties.

Qed ikun allegat li Monreal ikkonvinċiet lill-kumpanija li l-Kunsill Lokali taż-Żurrieq kien ħareġ tender u li hi kienet se tgħinhom. Hi talbtihom €3,000 biex tagħmlilhom il-preparamenti kollha ħalli l-kumpanija tirbaħ tender dwar ħajt tas-sejjieħ li kellu jinbena mill-ġdid. Hi qalet li kellha tkellem lis-Sindku taż-Żurrieq Ignatius Farrugia.

Madankollu, wara rriżulta li dan it-tender qatt ma eżista. Fil-każ xehed ukoll l-istess Ignatius Farrugia, li qal li t-tender qatt ma ħareġ mill-Kunsill u qatt ma kellem lil Annabelle fuqu. Tat ix-xhieda tagħha wkoll is-Segretarja tal-Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali Josienne Cilia Monfort, li spjegat li l-karta tat-tenders li toħroġ mill-Kunsill ikollha l-arma tal-Kunsill fil-ġenb. Iżda f’dan il-każ, l-arma tal-Kunsill kienet fin-naħa ta’ fuq, indikazzjoni ċara li dan it-tender ma kienx inħareġ mill-Kunsill Lokali.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Rennie Stivala.