Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Lejliet l-elezzjoni: sitt Pulizija trasferiti mill-RIU għad-Distrett

Kif anke ġie żvelat illejla, waqt l-attività politika li ġabet fi tmiemha l-kampanja elettorali tal-Partit Nazzjonalista, fl-aħħar ftit ġranet qabel l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew ġew ordnati numru ta’ transfers vendikattivi fiċ-Ċivil, b’mod speċjali fil-Korp tal-Pulizija.

MaltaRightNow.com jinsab infurmat li llum ġew ordnati minn tal-anqas sitt transfers għal Pulizija biex jitqaċċtu mir-Rapid Intervention Unit (RIU) u jmorru fid-Distretti. Skont l-informazzjoni li għandna, dawn it-transfers ingħataw wara talbiet li saru minn Pulizija oħrajn li riedu jmorru l-RIU u bdew jheddu li jekk ma jingħatawx dawn it-transfers, mhux se jmorru jivvutaw fl-elezzjoni tas-Sibt li ġej.

Jirriżulta li dan it-tip ta’ theddid wassal biex it-transfers ġew ordnati, bil-konsegwenza li Pulizija oħrajn li ta’ kuljum jagħmlu xogħolhom fl-RIU, issa se jkollhom jibdew jaħdmu f’sezzjoni oħra għax posthom ħadu xi ħadd ieħor.