L-elezzjoni ta’ pitgħada, is-Sibt, hi elezzjoni li fiha l-vot tagħna jista’ jagħti sinjal tat-tip ta’ pajjiż li nixtiequ ngħixu fih, li jseddaq dak li hu tajjeb u jirranġa l-ħażin. L-ewwel nett, irid ikun vot li jagħmel kuraġġ lil kulħadd li dal-pajjiż jista’ u għandu jgħix aħjar. Il-mod kif ngħixu aħjar f’Malta jrid jibda mill-prinċipji li nemmnu fihom u l-valuri li bil-vot tagħna nuru li għandhom jissaħħu u li l-ksur tagħhom hu ħażin.
Nazzjon wieħed
Il-prinċipju ewlieni li aħna nazzjon wieħed qed jinkiser minn gvern li qed jagħti jobs u privileġġi ‘l tal-qalba mħallsin minn flus il-bqija. Bil-vot tagħna s-Sibt irridu nagħtu sinjal li hemm mod aħjar kif isiru l-affarijiet f’nazzjon li jgħix ta’ nazzjon wieħed.
Libertà u tolleranza
Żgur ilkoll nemmnu li f’pajjiżna għandna ngawdu l-libertà li dak li hu tajjeb ngħidulu tajjeb u dak li hu ħażin ngħidulu ħażin. Imma għandna gvern li tant telagħlu għal rasu li qed juri ċar li ma jaċċetta l-ebda kritika, anzi jkażbrek jekk tikkritikah. Bil-vot tas-Sibt, nistgħu nuru wkoll li ngħożżu l-libertà tal-espressjoni u t-tolleranza lejn min jikkritika lill-gvern għax dak hu dritt kbir u ta’ ġid għal pajjiż li jrid jirranġa l-ħażin.
Ġustizzja li ma tħares lejn wiċċ ħadd
Nemmnu żgur ukoll fil-ġustizzja, li dak li hu ħażin nafu x’inhu u ma jsirx tajjeb skont x’jgħid xi politikant. Imma dan il-valur jinsab mhedded minn gvern li jaħfer lil elf ruħ li xaħħmu u serqu miljuni kbar, jagħmel eroj lil min wettaq reat gravi flok jagħmel eroj lill-vittma, u jara li mħallef ma jiħux dak li ħaqqu. Il-vot tagħna pitgħada għandu jfakkar li l-ġustizzja la tħares lejn wiċċ ħadd u lanqas jaqlibha xi politikant.
Politika ta’ servizz
Irridu nagħtu sinjal ukoll ta’ x’inhi l-politika, li l-politika hi għan-nies, mhux għall-vanaglorja ta’ xi politikant li kibritlu rasu u għal ta’ madwaru li, jerġa’, qed jiffangaw fi flusna. U dan hu li rajna fl-aħħar sena b’tal-qalba jitqażżu, u jitqażżu bi flusna flok ikunu ta’ servizz lejn kulħadd – li hu verament x’inhi l-politika.
Ugwaljanza bejn ċittadini ndaqs
L-ugwaljanza hi wkoll prinċipju li rridu nagħtu sinjal li ngħożżu. Fil-passat tħabatna biex nibnu pajjiż fejn id-dritt tiegħek tieħdu għax dritt, mhux għax tittallab għalih lil xi politikant. Imma fl-aħħar sena rajna terġa’ tinħoloq sistema fejn dak li hu dritt tiegħek – bħall-mediċina jekk ħaqqek toħodha b’xejn – trid tixtrih u l-ugwaljanza nnifisha taċ-ċittadini l-gvern ħariġha għall-bejgħ. Dan iwaqqa’ d-dinjità ta’ kulħadd.
Dinjità għal kulħadd f’Malta Aħjar
U dak li jgħaqqad id-diversi prinċipji li żgur ngħożżu hu proprju dan: id-dinjità ta’ kull wieħed u waħda minna f’nazzjon wieħed fejn ma nkunux tallaba u karraba imma fejn min ikollu l-poter iservi lill-bqija, u fejn ingawdu l-libertà tal-kritika, l-ugwaljanza vera bejnietna u l-ġustizzja li ma tħares lejn wiċċ ħadd – prinċipji li jagħtuna dinjità u li fuqhom irridu nibnu Malta Aħjar.