John Vassallo ta’ 62 sena u ibnu Johann ta’ 26 sena ma nstabux ħatja li ppruvaw joqtlu raġel ta’ 33 sena mir-Rabat, li kien joħroġ ma’ tfajla ta’ 16-il sena, li tiġi mill-familja Vassallo. Josef Grech kien informa lill-Qorti li kien se jwaqqa’ l-każ u l-akkużi kontra n-nannu u z-ziju tal-eks sieħba tiegħu, li allegatament kienu attakkawh b’minġel wara li ħasbu li t-tfajla, li kienet telqet mid-dar, kienet ħarbet miegħu.
Josef Grech mir-Rabat, li waqqaf il-Fondazzjoni Dom Mintoff u hu l-awtur ta’ bijografija tal-eks Prim Ministru Soċjalista, kien instab ħati fuq każijiet ta’ frodi u kien għamel xi perjodu jservi sentenza fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Grech kien allega li John u ibnu Johann, minn Ħad-Dingli, ippruvaw joqtluh f’Ġunju 2011. Grech kien qal li r-relazzjoni li kellu mat-tfajla ta’ 16-il sena ma kinitx waħda intima jew li kien hemm relazzjoni sesswali bejn it-tnejn. Kien qal li omm it-tfajla tiegħu kienet saħansitra tħallihom jorqdu fl-istess kamra u fl-istess sodda.
Fil-ġurnata tal-inċident, in-nannu tat-tifla ċempel lil Grech u dan kien allega li t-tifla kienet ħarbet mid-dar biex tmur miegħu. Biex jipprova li dan ma kienx minnu lill-familja Grech, hu kien mar ifittxu fi ġnien pubbliku fl-Imtarfa. Kien hemm li ltaqa’ ma’ nannuha u zijuha, li ġrew warajh b’minġel. Grech allega li meta dawn laħquh, iz-ziju tat-tfajla tiegħu beda jagħtih bis-sieq sakemm tefgħu mal-art, filwaqt li John Vassallo rabtu permezz ta’ biċċa nylon, li dawwarilu ma’ għonqu u qallu li kien se jorbot in-naħa l-oħra tan-nylon ma’ vann u jsuq bih b’kollox.
Ftit tal-ħin wara, waslu fil-post il-Pulizija u kkalmaw is-sitwazzjoni. Waqt il-ġlieda, Grech kien sofra minn feriti ħfief minħabba li kien intlaqat bil-minġel. Grech kien anke ċaħad fil-Qorti li kien jaf li t-tifla għandha 16-il sena u ċaħad dak li qal l-avukat difensur ta’ John u Johann Vassallo, li kien organizza l-party tal-birthday tat-tifla meta kienet għalqet 16-il sena. Johann Vassallo kien illiberat bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fi żmien ġimgħatejn wara li nstab ħati li kiser il-paċi pubblika, filwaqt li John Vassallo kien illiberat bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fi żmien sitt xhur wara li nstab ħati li kellu fil-pusses tiegħu l-minġell.
//= $special ?>

