Lokali

Muscat jinsisti li l-Gvern qed iwettaq fil-prattika

“Il-Gvern ma jippriedkax biss imma jwettaq fil-prattika.” Dan kien kliem il-Prim Ministru u Kap tal-Partit Laburista Joseph Muscat, f’mass rally organizzat mill-Partit Laburista bħala l-aħħar attivita’ politika għal din il-kampanja elettorali.

Matul l-attivita’ Joseph Muscat infexx b’attakk fuq il-gvernijiet preċedenti għax fi kliemu bagħtu lura l-immigranti lejn pajjiżhom. Dan meta kien l-istess Prim Ministru li Lulju li għadda kien lest jibgħat lil immigranti permezz tal-pushbacks u li attakka lil Unjoni Ewropea b’tant slogans bħal “wake up and smell the coffee”. Hu kien lest jibgħathom lura kieku ma twaqqafx mill-Kummissjoni Ewropea, b’ħidma ta’ numru ta’ avukati Maltin, li esprimew tħassib dwar il-ksur tad-drittijiet umani.

Fid-diskors tiegħu, fost oħrajn, Joseph Muscat akkuża lil ħaddiehor li m’għandux pjan biex jindirizza l-isfida tal-immigrazzjoni llegali, fid-dawl tal-kritika li l-istess Prim Minstru rċieva għal dak li wiegħed qabel l-elezzjoni b’rabta mal-immigrazzjoni.

Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li f’din l-aħħar sena l-Prim Ministru sabbat saqajh mal-Ewropa imma baqa’ ma kiseb xejn f’dan ir-rigward għal pajjiżna.