Qorti

“Outsourcing” ta’ ħaddiema tal-MIA waqt proċess għal min għandu l-maġġoranza bejn l-MIA u l-GWU

Filwaqt li qed isir proċess għal min għandu l-maġġoranza fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta (MIA) beda proċess ta’ “outsourcing” f’ċerti setturi bid-diskussjonijiet bejn iż-żewġ unions jieqfu peress li l-GWU m’aċċettatx li tiltaqa’ mal-MIA, u dan biex iwaqqaf il-proċess ta’ konsultazzjoni fuq il-ħaddiema.
Dan ħareġ minn protest ġudizzjarju li għamlet il-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM) kontra l-MIA f’isem il-ħaddiema fis-sezzjonijiet tal-“Customer Service Attendants”,” Informational Technology”, “Information Management”,  u “Electronics u Networks”.
Il-protest tal-UĦM jgħid li hi għandha numru ta’ membri li jaħdmu mal-MIA u fil-preżent għandha rikonnoxximent konġunt flimkien mal-General Workers Union għall-fini ta’ negozjar kollettiv.
Fil-ġimgħat li għaddew hija ġiet mgħarrfa mill-MIA li kienet se tagħmel outsourcing tas-sezzjoni Customer Service Attendants u għaldaqstant saru laqgħat informali bejn il-UĦ, rappreżentanti tal-General Workers Union u s-soċjeta’ sabiex jiġi diskuss, b’mod preliminari, l-futur tal-impjegati fi ħdan tali taqsima.
Id-diskussjonijiet ma kienux konklussivi u fil-fatt ġie maqbul li filwaqt li tali sezzjoni tiġi “outsourced”, il-partijiet ikomplu jiddiskutu jekk l-impjegati kienux ser jiġu trasferiti lill-kumpannija terza jew jiġux trasferiti f’dipartiment ieħor fi ħdan l-istess MIA.
Fil-frattemp inbeda proċess ta’ verifikar mid-dipartment tar-relazzjonijiet industrijali sabiex jiġi kkonfermat liema Union għandha l-maġġoranza fi ħdan l-MIA.
Jirriżulta li s-sezzjoni tal-“Customer Service Attendants” mhijiex l-unika sezzjoni li ser tiġi “outsourced”, iżda hemm sezzjonijiet oħrajn bħas-sezzjonijiet tal-Informational Technology, Information Management, Electronics u Networks.
Meta saret taf b’dan, il-UĦM talbet laqgħa ta’ konsultazzjoni mal-MIA termini tad-dispożizzjonijiet tal-liġi u ngħatat data għal-laqgħa.  Madankollu l-General Workers Union ma aċċettatx li tiltaqa’ mal-MIA f’dan ir-rigward u kkomunikat lilha li ma kinitx se tattendi għal-laqgħa.
Minn naħa tagħha l-UĦM xorta waħda deherilha li fiċ-ċirkostanzi kien importanti li tiltaqa’ mas-soċjeta’ u fil-fatt ir-rappreżentant tagħha, Martin Caruana, kien preżenti għal-laqgħa fil-post u ħin stabbilit.
Minkejja dan l-MIA ikkanċellat il-laqgħa għaliex skont hi, ma setgħetx tiddiskuti mal-UĦM fin-nuqqas tal-GWU.
Fil-fehma tagħha skont il-UĦM, din ir-raġuni mogħtija mill-MIA mhijiex kredibbli u ġustifikata għaliex tali rifjut minn naħa ta’ union waħda m’għandux jippreġudika l-pożizzjoni ta’ Union oħra li kienet disposta tiltaqa’ għal proċess ta’ konsultazzjoni fl-interess tal-membri tagħha.
Minbarra dan l-MIA, wara li hija stess ikkanċellat il-laqgħa ta’ konsultazzjoni, hija għamlet laqgħa mal-ħaddiema direttament mingħajr il-preżenza tal-UĦM fejn ġie diskuss u kjarifikat mal-ħaddiema li kien se jseħħħ trasferiment ta’ negozju tas-sezzjonijiet imsemmija u li tali ħaddiema kienu se jiġu trasferiti.
Il-UĦM qalet li ma jeżisti l-wbda dubju li l-aġir tal-MIA f’dawn iż-żewġ ċirkostanzi, jiġifieri meta kkanċellat il-laqgħa mal-UĦM u meta wara dan laqqgħet lill-ħaddiema mingħajr ma sar il-proċess ta’ konsultazzjoni, huwa mmirat li jimmina l-proċess ta’ konsultazzjoni li għandu jsir mar-rappreżentanti tal-ħaddiema.
Dan  jinnega lill-ħaddiema d-dritt li jkunu rappreżentati minn Union u dan bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 452 u l-Leġislazzjoni Sussidjarja li tipprovdi r-Regolamenti dwar ħarsien tal-Impiegi fit-trasferiment ta’ negozju
Għaldaqstant, u in vista tan-nuqqas ta’ tħaris ta’ responsabbilitajiet u d-dmirijiet tal-MIA, l-UĦM, f’isimha proprju u f’isem il-ħaddiema tas-sezzjoni msemmija kienet kostretta tipreżenta dan il-protest, li ġie ffirmat mill-Avukati Ian Spiteri Bailey u Andrew Grima.