Il-pulizija u anke l-Gvern permezz tat-tmexxija tal-isptar Monte Carmeli qed jinvestigaw abbuż serju fuq pazjent b’mard mentali rikoverat f’dan l-isptar li qala’ xebgħa u temmgħulu l-ikel sempliċiment għaliex, skont rapporti, talab li ma jibqax jara l-istazzjon Laburista Super One.
L-istorja, żvelata minn ġurnal lokali, kienet konfermata mill-Gvern li fi stqarrija ħabbar li l-Kap Amministrattiv tal-Isptar Monte Carmeli nieda inkjesta dwar dan il-każ ta’ vjolenza f’waħda mis-swali. U qal ukoll li l-każ, li kien jinvolvi pazjent u membru tal-istaff, ġie riferut għand il-pulizija għall-investigazzjoni.
Skont il-Malta Independent, il-pazjent kien imsawwat u mġiegħel jibla l-pulpetti minn membru tal-istaff wara li talab li t-televixin jinqaleb minn fuq is-Super One.
Skont il-ġurnal bl-Ingliz, jidher li t-televiżjoni f’Mt Carmel kien ilu l-ġurnata kollha fuq l-istazzjon tal-partit Laburista, u l-pazjent, li huwa raġel, kien xebgħa jara programmi politiċi u oġġezzjona. Imma meta talab li jinqaleb it-televixin, kien aggredit u spiċċa bi black eye.
Il-ġurnal ikkuntattja lic-Chief Operating Officer tal-isptar Monte Carmeli, l-eks Sindku Laburista Clifton Grima li inizjalment qal li ma kienx jaf bil-każ iżda aktar tard wieġeb li kien ressaq il-każ quddiem il-Ministru responsabbli. Min-naħa tieghu s-Segretarjat Parlamentari tas-Saħħa wieġeb lil The Malta Indpendent li qed isir investigazzjoni dwar dak li ġara.
Skont l-istqarrija tal-Gvern, l-impjegat konċernat ġie trasferit sakemm tintemm l-inkjesta interna. L-istqarrija qalet li ġie trasferit, u mhux sospiż. Waqt li l-Independent ikkonfermat li l-vittma ġie trasferit minn ward 7 għal sala oħra.
Għalkemm dan l-istazzjon ilu jirċievi rapporti li fl-isptarijiet tal-istat it-televisions qed jitħallew il-ħin kollu fuq is-Super One, mhux magħruf kif dan kien permess anke fil-ġurnata meta fl-isptarijiet kollha, inkluż fl-istess Monte Carmeli, kienet għaddejja l-votazzjoni għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.
Dan għaliex il-pazjenti fl-isptarijiet ivvutaw jumejn qabel u suppost ma jkun hemm xejn li jitħalla jinfluwenza lill-votanti f’din il-ġurnata.
Intant, b’reazzjoni għal din l-aħbar, il-Partit Nazzjonalista esprima l-kundanna tiegħu u qal li huwa inaċċettabli li l-awtoritajiet żammew dan il-każ moħbi għal tliet ijiem sħaħ. Dan jgħodd iktar u iktar meta wieħed iqis li s-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa trasferixxa lil impjegat li aggredixxa lil pazjent minflok issospendieh sakemm isir inkjesta indipendenti.
Il-Partit Nazzjonalista jistenna li l-Kummissarju għas-Saħħa Mentali jirreaġixxi immedjatament għal dan l-att ta’ vjolenza. Fl-istqarrija l-partit isejjaħ ukoll għal inkjesta indipendenti u mhux sempliċiment investigazzjoni interna, biex il-Gvern jgħatti lil min għamel l-iżball.
Il-Partit Nazzjonalista qal li l-pazjenti fl-Isptar Monte Carmeli jixirqilhom l-akbar għożża, u mhux l-aggressjoni. L-ebda impjegat tal-isptar ma jista’ jagħmilha tal-bully u jaggredixxi lil pazjenti, u għalhekk ħaddiema bħal dawn m’għandhomx jitħallew f’kuntatt mal-pazjenti sakemm issir l-inkjesta, temmet tgħid l-istqarrija.
//= $special ?>