F’waħda minn diversi attivitajiet fl-aħħar jum tal-kampanja elettorali għall-elezzjoni tas-Sibt li ġej, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil dalgħodu ltaqa’ mal-komunità kummerċjali fil-Belt bi żjarat f’aktar minn 60 stabbiliment tul Triq ir-Repubblika.
Hu kien akkumpanjat mill-Kap tad-Delegazzjoni tal-PN fil-Parlament Ewropew u kandidat David Casa, kif ukoll żewġ kandidati oħra tal-PN għal din l-elezzjoni Therese Comodini Cachia u Jonathan Shaw. Preżenti wkoll kien hemm is-Segretarju Internazzjonali tal-PN Trevor Degiorgio, is-Sindku tal-Belt Alexiei Dingli u l-Viċi Sindku Christian Micallef.
Id-delegazzjoni tal-PN qattgħet ftit ħin f’kull ħanut mas-sidien u l-ħaddiema ta’ stabbilimenti li joffru għażla ta’ prodotti differenti u tkellmu magħhom dwar l-andament tan-negozju, id-diffikultajiet u l-isfidi diversi li jaffaċċjaw tul il-ħidma tagħhom. Simon Busuttil sab ħin ukoll biex jitkellem ma’ numru kbir ta’ persuni ta’ kull età u familji li qattgħu l-għodwa l-Belt jagħmlu x-xirjiet jew jirrilassaw fil-belt kapitali ta’ pajjiżna.
Wara dawn iż-żjarat fil-ħwienet tal-Belt, il-ħidma tal-PN kompliet b’aktar żjarat u laqgħat man-nies matul il-ġurnata, l-aħħar waħda qabel Jum is-Silenzju ta’ għada bi preparazzjoni għall-elezzjoni tas-Sibt.
//= $special ?>