Lokali

Sitt theżżiżiet żgħar fil-baħar qrib Malta

Ilbieraħ filgħodu seħħew numru ta’ theżżiżiet żgħar fil-baħar qrib Malta. Iċ-Ċentru Malti għall-Monitoraġġ u r-Riċerka tal-Attività Siżmika fi ħdan l-Università ta’ Malta kejjel sitt theżżiżiet madwar 40 km fix-xlokk ta’ Malta.

Fi stqarrija tal-Università ta’ Malta, jingħad li l-akbar theżżiża kejlet 3.8 fuq l-Iskala Richter u seħħet għall-ħabta tas-6.13am tal-bieraħ. Din it-theżżiża kienet segwita minn ħamsa oħra iżgħar, li komplew matul in-nofstanhar tal-bieraħ filgħodu.

Iċ-Ċentru Siżmiku ta’ Malta qal li dawn it-tip ta’ theżżiżiet huma pjuttost komuni fir-reġjun madwar il-gżejjer Maltin. Avveniment simili kien seħħ tliet snin ilu, f’Jum l-Għid il-Kbir, meta kienu seħħew xejn anqas minn 15-il theżżiża qrib Malta fuq perjodu ta’ tlett ijiem.