Qorti

Talba lill-Qorti biex il-Pulizija ma taħdimx fil-Qrati minħabba l-elezzjoni

L-Uffiċċju tal-Kummissarju tal-Pulizija nforma lill-Prim Imħallef Silvio Camilleri u talbu biex illum, għada u t-Tnejn li ġej il-Pulizija jkunu eżenti milli jattendu fil-Qorti. Dan minħabba l-impenji li għandhom għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropej tas-Sibt li ġej.

Id-Deputat Kummissarju Andrew Seychell bagħat l-ittra, indirizzata lill-Prim Imħallef Camilleri, li fiha spjegalu li minħabba l-volum kbir ta’ xogħol li jaqa’ fuq il-Korp tal-Pulizija, kemm fil-jum tal-votazzjoni kif ukoll fil-jiem ta’ qabel u wara l-votazzjoni, qed jagħmel talba biex isiru l-arranġamenti ħalli l-membri kollha tal-Korp tal-Pulizija jkunu eżenti milli jatendu l-Qorti f’dawn il-ġranet.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Imħallef talab lill-Imħallfin u l-Maġistrati biex f’dawn il-ġranet jieħdu l-passi li jidrilhom li jkunu xierqa fuq din it-talba. Il-Prim Imħallef qal li hu kien qed jenfasizza li l-ittra tad-Deputat Kummissarju tal-Pulizija tirreferi biss għal dawk il-kawżi li jkunu jirrekjedu l-preżenza tal-Pulizija u mhux kawżi bħal dawk Ċivili, fejn din il-preżenza mhix meħtieġa.

Għaldaqstant, il-kawżi kważi kollha skedati għal dawn it-tlett ijiem u li fihom hemm il-preżenza tal-Pulizija ġew differiti. Ma’ dawn, hemm ukoll ġuri dwar stupru, li kellu jibda t-Tnejn li ġej u li issa se jibda t-Tlieta.