Żagħżugħ ta’ 23 sena mis-Serbja, Boris Dodek, tpoġġa taħt arrest u ġie mixli li attakka u fera tliet żgħażagħ Maltin, meta l-istess vittmi qalu li kienu għarfuh bħala wieħed mill-agressuri hekk kif huma kienu qegħdin jistennew li tibda kumpilazzjoni oħra.
Hekk kif diversi persuni kienu qegħdin jistnennew fil-kuriduri tal-Qorti, jistnennew il-bidu tal-kawżi tad-Distrett ta’ San Ġiljan, Clayton Grech, Mario Farrugia u Ingrid Galea, kienu qegħidn jistennew biex jixhdu fil-kumpilazzjoni kontra Serb ieħor bl-isem ta’ Alexander Mirancovic.
Dan qed jiġi mixli li fera gravament lil Grech u kkawża ġrieħi ħfief fuq Farrugia u Galea waqt ġlieda f’Paċeville fit-2 ta’Mejju. Mirancovic wasal il-Qorti fil-kumpanija ta’ sieħbu Dodek. U hekk kif il-vittmi kienu qegħdin jistennew, huma għarfu lil Dodek bħala wieħed mill-persuni li ħebb għalihom.
Il-Prosekutur kien infurmat u ż-żagħażugħ Serb tpoġġa taħt arrest. Huwa ġie mixli quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli, fejn wieġeb li ma kienx ħati li kkawża ġrieħi ħfief fuq Farrugia u Galea, li pprovoka u li kiser il-paċi pubblika.
L-Avukat Arthur Azzopardi talab għall-ħelsien mill-arrest kif ukoll biex ma jkollux impost fuqu li jrid ikun id-dar f’ċertu ħin u dan għax inkella jirristrinġi ċ-ċansijiet li Dodek isib ix-xogħol, jekk dan jingħata l-permess tax-xogħol.
Il-Maġistrat Demicoli laqgħet it-talba għal liberta’ proviżorja fuq garanzija personali ta’ €5,000. Filwaqt li ma ġiex impost l-ebda restrizzjoni ta’ ħin fix-ħin jidħol fir-residenza tiegħu, Boris Dodek kien ordnat li jiffirma kuljum fl-Għassa tal-Pulizija tal- Qawra kuljum. L-Ispettur Trevor Micallef mexxa l-Prosekuzzjoni.
Żagħżugħ mir-Serbja mixli wara li l-vittmi qalu li għarfuh fil-Qorti


