Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

21,856 Dokument tal-Vot jibqgħu mhux miġbura

6.3% ta’ dawk kollha eliġibbli, 1.3% aktar mill-2009

21,856 persuna (6.3% ta’ dawk bid-dritt għall-vot fl-elezzjoni għall-Parlament Ewropew) baqgħu ma ġabrux id-dokument tal-vot tagħhom sal-bieraħ filgħaxija, meta f’12am għalaq il-perjodu li fih setgħu jinġabru l-voti mill-Kummissjoni Elettorali. Għalhekk, dawn il-persuni issa ma jistgħux imorru jixħtu l-vot tagħhom fl-elezzjoni għall-MEPs.

B’hekk, meta tnaqqas dan l-ammont mit-total ta’ votanti reġistrati skont l-aħħar Reġistru Elettorali li ħareg f’April 2014, dawk eliġibbli biex jivvutaw f’din l-elezzjoni jammontaw għal 322,459. Imqabbel mal-ammont ta’ voti mhux miġbura li kien hemm fl-istess elezzjoni fl-2009, dan ifisser li din id-darba ma nġabrux 1.3% aktar, hekk kif ħames snin ilu l-ammont ta’ voti mhux imqassma li kien għad fadal fi tmiem il-proċess kien jammonta għal 15,862 (5%).

Fit-12-il distrett, li jinkludi l-Mellieħa u San Pawl il-Baħar, hemm l-akbar numru ta’ persuni li ma ġabrux id-Dokument tal-Vot, jiġifieri 4,600 (15.8%). Isegwu l-10 distrett, li jinkludi lil Tas-Sliema u San Ġiljan, bi 3,400 vot (12.6%), id-9 distrett, li jinkludi San Ġwann, l-Imsida u s-Swieqi bi 8.2% u t-13-il distrett, ta’ Għawdex, b’6.4%.

Min-naħa l-oħra, dawk id-distretti fejn l-aktar li nġabru voti huma r-4 distrett, li jinkludi Raħal Ġdid u Ħal Tarxien, fejn ma ġabrux il-vot biss 727 (3%). Fis-6 distrett, li jinkludi Ħal Luqa, Ħal Qormi u s-Siġġiewi, ma ġabrux il-vot 3.1%.

Mingħajr Dokument tal-Vot ħadd ma jista’ jivvota fl-elezzjoni għall-Parlament Ewropew ta’ għada. Min-naħa l-oħra, fl-elezzjoni tal-Hamlets, li se ssir f’ħames komunitajiet (il-Kappara, il-Madliena, Gwardamanġa, is-Swatar u tal-Virtù), ir-residenti jistgħu jivvutaw b’sempliċi Karta tal-Identità.