Ekonomija Lokali

April 2014 jerġa’ jara żieda oħra fil-qgħad

Għal xahar ieħor, il-qgħad f’pajjiżna kompla jiżdied. Skont statistika ppubblikata fis-sigħat li għaddew mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), f’April 2014 il-qgħad żdied meta mqabbel ma’ April 2013. It-total ta’ persuni jfittxu x-xoghol f’April 2014 kien ta’ 7,291, li tfisser żieda ta’ 115 fuq April 2013.

L-aktar f’diffikultà biex isibu x-xogħol, li komplew jiżdiedu sew fin-numru, huma dawk li għandhom aktar minn 45 sena. Fil-fatt, f’sena waħda biss, dawk li għandhom aktar minn 45 sena u li huma qiegħda żdiedu bi 3% biex issa l-ammont qabeż it-3,000. Bejn April 2013 u April 2014, in-numru ta’ persuni li ilhom jirreġistraw għax-xogħol għal perjodu ta’ aktar minn sena żdied b’488.

L-istess statistika tal-NSO tagħti wkoll l-aħħar rata perċentwali tal-qgħad fil-gżejjer Maltin għal Diċembru 2013. F’dan il-każ ukoll, kienet reġistrata żieda fil-qgħad fuq perjodu ta’ sena. L-NSO jgħid li dawk ifittxu x-xogħol kienu jammontaw għal 4.5%, li jfisser żieda ta’ 0.2% fuq Diċembru 2012, meta r-rata kienet 4.3%.