Dik tas-Sibt f’Malta mhijiex l-unika elezzjoni fl-Ewropa matul din il-ġimgħa, iżda waħda biss minn total ta’ 28 elezzjoni fit-28 Stat Membru fl-Unjoni Ewropea. Matul dan il-weekend, iċ-ċittadini Ewropej kollha qed jissejħu biex jagħżlu r-rappreżentanti tagħhom fil-Parlament Ewropew f’elezzjoni mifruxa fuq erbat’ijiem bejn ilbieraħ u l-Ħadd.
Ilbieraħ diġà ħadu d-deċiżjoni tagħhom il-popli tal-Ingilterra, li vvutaw ukoll biex jeleġġu l-Kunsilli Lokali, u l-Olanda. Illum qed jivvutaw l-Irlandiżi, filwaqt li bdew jivvutaw ukoll iċ-Ċeki, f’votazzjoni li tibqa’ miftuħa wkoll matul il-ġurnata ta’ għada.
Ma’ Malta u ċ-Ċeki, għada jivvutaw ukoll iċ-ċittadini tal-Latvja u s-Slovakkja, filwaqt li l-Ħadd issir l-elezzjoni fil-kumplament tal-Istati Membri tal-UE. Ir-riżultati uffiċjali tal-pajjiżi kollha mhux se jitħabbru qabel il-Ħadd wara li tkun saret il-votazzjoni fl-Ewropa kollha.
Madankollu, skont l-ewwel exit polls, fl-Olanda jidher li jista’ jkun hemm sorpriża fir-riżultat, hekk kif il-Partit tal-Ħelsien, li hu ewro-xettiku, jidher li ħa daqqa ta’ ħarta. Minkejja li fil-polls dejjem kien fuq quddiem, kollox jindika li fl-elezzjoni tal-lum mistenni jispiċċa fir-raba’ post.
B’kollox, madwar l-Ewropa kollha, se jiġu eletti 751 Membru Parlamentari Ewropew. L-iżgħar numru ta’ rappreżentanti huwa ta’ sitt MEPs f’Malta, fil-Lussemburgu, f’Ċipru u fl-Estonja. L-aktar pajjiż li se jkollu rappreżentanti fil-Parlament Ewropew hu l-Germanja b’96 MEP.
Ħames snin ilu, fl-elezzjoni tal-2009, ġew eletti 736 MEP u wara s-sħubija tal-Kroazja fl-UE fl-2013 żdiedu għal 766. Issa, skont it-Trattat ta’ Liżbona, dan in-numru issa se jonqos għal 751.
//= $special ?>