Lokali

Filmat: L-10 edizzjoni tal-Maratona b’risq Puttinu Cares se tinżamm bejn is-6 u t-8 ta’ Ġunju

L-10 edizzjoni tal-Maratona tal-futbol u l-volleyball b’risq Puttinu Cares se ssir bejn is-6 u t-8 ta’ Ġunju fil-Marsa Sports Ground, bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Malti għall-iSport (KMS). Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-post fejn se ssir il-Maratona, li fiha ħadu sehem is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Isport Chris Agius, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Isport Robert Cutajar, iċ-Chairman tal-KMS Luciano Busuttil u t-Tabib Victor Calvagna, wieħed mill-fundaturi ta’ Puttinu Cares.

It-Tabib Calvagna qal li l-fondi se jintużaw biex jitħallas id-dejn li fadal fuq it-12-il appartament li Puttinu Cares bniet f’Sutton fl-Ingilterra biex jilqgħu lil pazjenti Maltin u l-qraba tagħhom meta jkolllhom bżonn jieħdu kura fl-Ingilterra. Hu spjega li bħalissa hemm numru ta’ pazjenti Maltin li diġà qed jibbenefikaw minn dan il-proġett.

Min-naħa tiegħu, Robert Cutajar qal li l-Maratona b’risq Puttinu Cares tippromwovi l-valur tas-solidarjetà permezz tal-isport u hi festa ta’ sport b’kawża ġusta. Hu qal li bħalissa hemm 35 persuna li qed jingħataw kura barra minn Malta minħabba l-kanċer. Hu fakkar li bejn is-6 u t-8 ta’ Ġunju l-Partit Nazzjonalista se jorganizza l-Konferenza Nazzjonali dwar l-Isport u l-mistieden speċjali se jkun l-eks plejer ta’ Juventus Beniamino Vignola.

Robert Cutajar, f’isem Team Sport PN, l-organizzaturi tal-Konferenza Nazzjonali dwar l-Isport, ippreżenta lit-Tabib Victor Calvagna żewġ flokkijiet tal-finalisti tat-Tournament tal-UEFA U/17 li sar f’Malta, jiġifieri l-Ingilterra u l-Olanda, iffirmati mill-plejers kollha. Dawn il-flokkijiet flimkien ma’ flokk tal-plejer internazzjonali Malti Andre Schembri u affarijiet oħrajn ta’ valur sportiv se jkunu rkantati b’risq Puttinu Cares.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Isport u ċ-Chairman tal-KMS ukoll appellaw għas-solidarjetà għal din il-kawża ġusta.