Internazzjonali

Fl-Istati Uniti jistgħu jiffuċillaw lill-ikkundannati

In-nuqqas ta’ kimika għall-injezzjonijiet fatali fil-każi fejn il-kriminali jeħlu l-piena kapitali wassal biex numru ta’ Stati Amerikani jirrikorru għal metodi oħrajn li kienu jintużaw għal ħafna snin fil-passat u li jinkludu s-siġġu elettriku u l-firing squads (fejn l-ikkundannat jispiċċa ffuċillat).

L-Istati ta’ Utah u Wyoming qed jikkunsidraw li jibdew jiffuċillaw lill-qattiela li jingħataw is-sentenza massima, bl-Istat ta’ Tennessee qed jerġa’ juża s-siġġu elettriku li kien ilu ‘rtirat’ għal snin.

Il-Gvernatur Repubblikan, Bill Haslam, iffirma abbozz bħala liġi u li jippermetti biex l-Istat ta’ Tennessee ‘jesegwixxi lill-priġunieri fuq death row bis-siġġu elettriku’ fil-każi fejn il-kumplessi tal-ħabs ma jiksbux il-kimika neċessarja għall-injezzjoni fatali.

Din hi l-ewwel fost diversi miżuri drastiċi potenzjali, fi żmien meta l-produtturi fl-Ewropa qed jirrifjutaw li jbiegħu ‘il-cocktail tal-kimika’ li s-soltu jintuża għall-esekuzzjonijiet ta’ kriminali fl-Istati Uniti.

Intant, l-Istat ta’ Tennessee hu l-ewwel li reġa’ rrikorra għas-siġġu elettriku u mingħajr ma pprovda l-opportunita lill-priġunieri fuq Death Row biex jagħżlu ‘xi miżura għall-mewt alternattiva’.