Lokali

Il-Gvern jaħtar disa’ Diretturi Ġenerali ġodda

Propju llum, il-Gvern ħabbar li ħatar disa’ Diretturi Ġenerali ġodda. Din hi kariga mportanti u għolja fl-iskali taċ-ċivil. Fil-fatt, il-kariga ta’ Direttur Ġenerali tiġi fl-ogħla livell wara dik tas-Segretarji Permanenti.

Fil-ħarġa tal-lum tal-Gazzetta tal-Gvern, tħabbar li John Galea nħatar Direttur fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Joseph Muscat. Ian Mifsud, Gaetano Bugeja u George Said Zammit inħatru Diretturi fil-Ministeru tal-Edukazzjoni mmexxi minn Evarist Bartolo.

Fil-Ministeru tal-Finanzi mmexxi minn Edward Scicluna, nħatru Marisa Pisani, Joseph Chetcuti u Stefano Manicolo, filwaqt li fil-Ministeru tal-Enerġija u s-Saħħa mmexxi minn Konrad Mizzi nħatret Michelina Galea.

Fil-Ministeru tal-Familja u s-Solidarjetà Soċjali, immexxi minn Michael Farrugia, inħatret Carmen Buttigieg.

Dan isegwi tibdil ieħor li fix-xhur li għaddew sar fil-karigi tas-Segretarji Permanenti fil-Ministeri.

Sadanittant, bejn ilbieraħ u llum, komplew it-transfers fil-Korp tal-Pulizija. Wara li lbieraħ ingħataw mill-anqas sitt transfers lil Pulizija li tneħħew mir-Rapid Intervention Unit u ntbagħtu fid-Distretti, jirriżulta li t-transfers komplew jingħataw illum ukoll.

Jirriżulta li fil-każ tat-transfers tal-lum, il-Pulizija milquta kienu nfurmati biss b’telefonata. Fost dawn hemm Pulizija li ntbagħtu jaħdmu fl-Għassa ta’ San Ġiljan.