Il-Papa Franġisku s-Sibt jibda vjaġġ fil-Lvant Nofsani, it-tielet wieħed minn Papa. Din il-ġimgħa hu insista li dan il-vjaġġ kien wieħed reliġjuż u mhux politiku, bl-iskop li jtejjeb ir-relazzjonijiet ma’ fergħat oħra tar-reliġjon Nisranija kif ukoll biex jitlob għall-paċi fir-reġjun.
Il-Papa qal li r-raġuni ewlenija ta’ dan il-vjaġġ kienet biex jiltaqa’ mal-Patrijarka Ortodoss ta’ Konstantinopli Bartholomew I u biex jitlob għall-paċi f’dan ir-reġjun li ra ħafna tbatija. Il-vjaġġ qed isir fil-50 anniversarju minn mindu saret l-ewwel laqgħa bejn il-mexxejja Kattoliċi u dawk Ortodossi.
Is-Sibt il-Papa l-ewwel li jasal hu f’Amman, il-kapitali tal-Ġordan, u f’dan il-pajjiż hu se jkollu laqgħa ma’ refuġjati Sirjani.
Minn hawn imbagħad imur Betlem, Tel Aviv u Ġerusalemm biex imbagħad itemm il-vjaġġ it-Tnejn b’quddiesa fil-post fejn jingħad li Ġesù Kristu kellu l-aħħar ikla mad-dixxipli.
Il-Papa Franġisku se jkollu laqgħa qasira mal-mexxejj ta’ Iżrael, il-Ġordan u l-Awtorità Palestinjana.
Kemm il-Papa kif ukoll il-Vatikan għamluha ċara li dan il-vjaġġ kien wieħed reliġjuż wara li uffiċjali Palestinjani u xi mexxejja Nsara Għarab sostnew li hu kien sejjer biex juri solidarjetà u jagħraf l-Istat Palestinjan.
Għal dan il-vjaġġ kien hemm oppożizzjoni kemm minn estremisti Lhud kif ukoll mill-Palestinjani.
Hu se jkun l-ewwel mexxej tal-Knisja Kattolika li se jmur ipoġġi kuruna fjuri fuq il-qabar ta’ Theodor Herzl, il-fundatur tal-Zioniżmu u li kien jinsisti għal Stat Iżraeljan. Dan se jsir b’turija simbolika ta’ skuża tal-Vatikan għall-oppożizzjoni li kien hemm fil-bidu għal Stat Iżraeljan.
Qed ikun hemm ħafna interpretazzjoni fl-itinerarju tal-Papa fl-Art Imqaddsa imma l-Vatikan qed jinsisti li ħafna affarijiet qed isiru għaliex jagħmlu aktar sens. Fost dawn hemm li l-Papa se jivvjaġġa bil-ħelikopter mill-Ġordan lejn Betlem, li tinsab fit-territorju Palestinjan, u mhux mill-art. Iżda l-Vatikan qal li dan qed isir għal raġunijiet prattiċi wara li kien hemm xi wħud li interpretaw dan bħala barka ta’ approvazzjoni għal Stat Palestinjan.
Il-protokoll jitlob li meta Kap ta’ Stat iżur Iżrael, dan l-ewwel imur Tel Aviv. Għalhekk minn Betlem, il-Papa se jmur Tel Aviv biex imbagħad minn hemm imur Ġerusalemm.
//= $special ?>
