Eugene Galea ta’ 55 sena minn Ħal-Lija li s-sena l-oħra kien tressaq il-Qorti mixli li hedded u pprova juża vjolenza fil-konfront tas-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes, ippreżenta rikors fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fejn qal li meta kien arrestat għax kiser il-ħelsien mill-arrest, kien issawwat mill-Pulizija. Apparti minn hekk, Galea qed jilmenta li ma ngħatax smiegħ xieraq mill-Qorti tal-Appella Kriminali. Ir-rikors sar kontra l-Avukat Ġenerali, il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Ispettur Sarah Magri.
Galea, qal li minħabba l-każ inkwistjoni bdiet tinstema’ kumpilazzjoni quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit. Huwa ġie mressaq il-Qorti u eventwalment kien mogħti l-ħelsien mill-arrest. Madankollu, waqt li kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni, l-Ispettur Sarah Magri kienet allegat li Galea kien avviċina lil wieħed mix-xhieda tal-Prosekuzzjoni permezz tal-‘facebook’.
Dan ix-xhud kien l-Ispettur investigattiv Ramon Mercieca. Skont ir-rikors, dan l-Ispettur ma kienx persuna li ra b’għajnejh xi fatti li seħħew dwar dan il-każ. Min-naħa tagħha, l-Ispettur Sarah Magri infurmat lill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit li Galea kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.
Dan ir-rikors kien ġie trattat u l-kawża ġiet differita għall-4 ta’ Novembru tal-2013. Madankollu, Galea ma deherx għas-seduta u l-Qorti sabitu ħati ta’ disprezz lejn l-awtorità tagħha u kkundannatu €100. Il-Qorti ordnat ukoll il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest fil-konfront tiegħu għas-seduta tas-16 ta’ Diċembru tal-2013.
Min-naħa tagħhom, il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Ispettur Magri arrestaw lil Galea u akkużawh bi ksur tal-ħelsien mill-arrest. Skont ir-rikors, meta Galea ġie arrestat huwa ġie suġġett għal trattament inuman u degradanti, għaliex ġie msawwat mill-Pulizija u sofra diversi ġrieħi.
Meta l-Maġistrat Anthony Vella ra l-kundizzjoni li kien fiha Galea iddiferixxa l-kawża għal provi tal-Prosekuzzjoni. Wara dan id-diferiment, il-Qorti tal-Maġistrati semgħet il-provi u kkundannat lil Galea għal xahrejn ħabs.
Min-naħa tiegħu, l-Assistent Kummissarju Ray Zammit, li kien inkarigat mit-tmexxija tal-ħabs, kellem lil Galea meta kien il-ħabs. Però naqas milli jinvestiga l-ġrieħi li kien sofra minħabba l-aġir u s-swat tal-Pulizija.
L-istess għamel il-Kummissarju tal-Pulizija meta ġie infurmat permezz ta’ kwerela minn Galea fuq dak li huwa għadda minnu. Galea appella mis-sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati, liema appell għadu pendenti quddiem il-Qorti tal-Appell.
Wara li l-appell kien differit għas-sentenza, Galea sar jaf li għas-seduta tal-4 ta’ Novembru tal-2013, l-Avukat Victor Bugeja li kien qiegħed jippattroniċah kien tkellem mal-Ispettur Sarah Magri. Ingħad li bejniethom kien sar ftehim li f’dik is-seduta partikolari ma kien se jsir xejn, għax ma kienx hemm xhieda biex jixhdu.
Minħabba dan il-ftehim, l-Avukat Bugeja illarga u ma attendiex għas-seduta. Minħabba f’hekk, ma kien hemm ħadd biex jirrapreżenta lil Galea meta ssejħet il-kawża.
Wara li Galea sar jaf b’dawn il-fatti, talab lill-Qorti tal-Appell biex qabel tati s-sentenza tordna lir-Reġistratur tal-Qorti biex jesebixxi l-kopja tar-rikors li kienu intavolaw il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Ispettur Sarah Magri.
Apparti minn hekk, huwa talab li jinstema’ l-Avukat Victor Bugeja biex jixhed fuq il-fatti kif magħrufa minnu. Madankollu, il-Qorti tal-Appella ma laqgħatx it-talba. Galea qal li t-trattament li rċieva minn għand il-Pulizija u r-rifjut tal-Qorti tal-Appell biex tisma’ l-evidenza, jiksru l-Kostituzzjoni ta’ Malta.
Kien għalhekk li huwa talab lill-Qorti biex tiddikjara li l-aġir tal-Ispettur Magri u tal-Kummissarju tal-Pulizija imur kontra l-Kostituzzjoni ta’ Malta u l-Konvenzjoni Ewropea u li l-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Appell jiġu ddikjarati estinti. Ir-rikors ġie ffirmat mill-Avukat Jason Galea.
//= $special ?>

