Żewġt irġiel Torok tilfu ħajjithom, f’Istanbul, waqt ġlied kontinwu bejn il-Pulizija u d-dimostranti li kienu qed jesprimu r-rabja għat-traġedja tal-ġimgħa l-oħra fil-minjiera tal-faħam ta’ Soma li kienet swiet il-ħajja ta’ aktar minn 300 ħaddiem tal-mini.
Raġel ta’ tletin sena miet l-isptar ftit wara li spiċċa jaqla’ tir f’rasu u dan meta hu ma kienx involut fil-protesti. Intant, raġel ieħor miet minħabba l-ġrieħi fatali li ġarrab meta sploda grenade viċin tiegħu.
F’dawn l-inċidenti, il-Pulizija użat il-kanuni tal-ilma u l-gass tad-dmugħ fuq in-nies bl-iskop li tirrestawra l-ordni, u sparat ukoll diversi tiri fl-ajru bħala twissija.
Il-Gvern tal-Prim Ministru Tork, Recep Tayyip Erdogan, ilu taħt pressjoni mindu, sena ilu, bdew sensiela ta’ protesti kontra l-amministrazzjoni fl-inħawi ta’ Istanbul.
Sadanittant, il-websajts tan-networking soċjali fit-Turkija qed jiċċirkolaw ritratt ta’ raġel li spiċċa midrub waqt l-aħħar inkwiet u li qed jidher mimdud mal-art waqt il-konfużjoni. Dan waqt li n-nies qed jibagħtu l-posts taħt ir-ritratt bil-messaġġi ta’ ‘Issa Daqshekk’ (b’referenza għall-vjolenza).
L-inkwiet f’Istanbul beda wara li grupp żgħir ta’ persuni bdew jgħajtu s-slogans dwar it-traġedja fil-minjiera u dwar żagħżugħ li kien inqatel waqt konfronti mal-Pulizija li żbruffaw waqt id-dimostrazzjonijiet preċedenti fl-istess belt.
Is-sitwazzjoni mbagħad iggravat bil-kbir, bid-dimostranti jirreaġixxu għall-assalti tal-Pulizija bi tfigħ tal-ġebel u l-bombi tal-petrol. Il-konfronti mbagħad infirxu madwar id-distrett ta’ Okmeydani, fiċ-ċentru ta’ Istanbul.
Aktar tard, il-Viċi Prim Ministru Tork, Bulent Aric, qal li l-prosekuturi għandhom jinvestigaw il-qtil ta’ persuni innoċenti waqt id-dimostrazzjonijiet u qal li se jsir minn kollox biex l-elementi responsabbli jwieġbu minnufih għal għemilhom.
//= $special ?>

