Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Jinżel is-siparju fuq il-kampanja elettorali

Ilbieraħ filgħaxija niżel is-siparju fuq il-kampanja elettorali għall-elezzjoni li se ssir għada għal Parlament Ewropew. Malta se tkun qed tivvota mal-bqija tal-istati membri tal-UE li wħud minnhom diġa’ bdew jivvutaw, u oħrajn se jivvutaw illum, inkella għada bħalna, jew il-Ħadd.

B’hekk ġew fi tmiemhom ħames ġimgħat intensivi ta’ attivitajiet mill-partiti politiċi – kulhadd jipprova jwassal bl-aħjar mod il-messaġġ tiegħu, bit-tama li għada l-elettorat jagħti l-ewwel preferenza lil kandidati fil-lista tiegħu.

Kif titlob il-ligi elettorali, illum ikun jum ta’ silenzju u rilfessjoni, bħalma hija wara kollox ukoll il-ġurnata tas-Sibt, jum il-votazzjoni, meta ma tistax issir propaganda politika la mill-partiti u lanqas fil-media.

Il-votazzjoni għada tiftaħ fis-7am ta’ filgħodu u tagħlaq fl-10pm. B’kollox il-Maltin, bil-vot tagħhom, se jeleġġu 6 MEP’s biex jirrappreżentawhom fit-tmien legiżlatura tal-Parlament Ewropew – wieħed aktar minn ħames snin ilu meta saret l-aħħar elezzjoni Ewropea f’pajjiżna.

Is-siġġijiet li se neleġġu f’Malta jingħaqdu ma’ dawk tas-27 stat membru l-ieħor tal-UE f’Parlament Ewropew li b’kollox din id-darba se jkun iffurmat minn 751 ewroparlamentari.

Il-kandidati f’din l-elezzjoni f’Malta jammontaw b’kollox għal 32 – erbgħa iktar mill-2009.  U huma mqassmin hekk: 11 f’isem il-PN, 12 f’isem il-PL, 2 tal-AD, 1 f’isem il-Partit tal-Ajkla, 2 tal-Alleanza Bidla, 1 tal-Alleanza Liberali, u 3 f’isem Imperium Ewropa.

F’nofs-il-lejl li għadda għalaq iż-żmien li fih wieħed seta’ jmur jiġbor id-dokument tal-vot tiegħu għal din l-elezzjoni mill-uffiċċji tal-Kummissjoni Elettorali. Sal-ġurnata ta’ qabel kien għad fadal 23,600 dokument tal-vot mhux miġbura, li jfisser 7%. Ħames snin ilu, fl-istess elezzjonijiet Ewropej, kienu baqgħu ma tqassmux 5%.

Fl-elezzjoni tas-Sibt li ġej dawk bid-dritt tal-vot jammontaw għal 344,374 jiġifieri kważi 22 elf iktar mill-2009. 336,494 minn dawn huma Maltin u  7,880 huma barranin – ċittadini Ewropej bid-dritt tal-vot f’pajjiżna.

L-għadd tal-voti se jsir fiċ-Ċentru tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar fejn mill-10 ta’ bil-lejl stess hekk kif jibdew jaslu, il-madwar seba’ mitt kaxxa tal-voti jibdew jinfetħu mill-ewwel, u l-voti jitqassmu f’pakketti ta’ ħamsin ħamsin.  Imma l-proċess tas-sorting u t-tqassim skont il-preferenza tal-votant, mhux se jibda qabel il-Ħadd f’nofsinhar.

Ikun f’dak il-ħin li l-partiti bħas-soltu jibdew bil-kalkoli tagħhom biex joħorġu l-ewwel kampjun li jagħtihom indikazzjoni lejn fejn sejjer ir-riżultat. Madanakollu biex ikollna l-ewwel għadd b’mod uffiċjali, min-naħa tal-Kummissjoni Elettorali, irridu nistennew mhux ħażin, probabbilment sas-sigħat bikrin tat-Tnejn filgħodu. U rridu nistennew aktar biex ikollna l-istampa sħiħa tal-kandidati li se jiġu eletti.

Filwaqt li l-Maltin u l-Għawdxin se jivvutaw għada, f’elezzjoni waħda li fiha Malta hi meqjusa bħal distrett wieħed għax kulħadd se jivvota għall-istess lista ta’ kandidati mill-ewwel sat-tlettax-il distrett, hemm min diġa’ vvota għall-Parlament Ewropew.

Nhar is-Sibt li għadda, ġimgħa qabel, ivvutaw ir-residenti tad-djar tal-anzjani u dawk li ħadu ġurament li għada se jkunu msefrin jew deħlin l-isptar għal xi intervent, waqt li lbieraħ il-Ħamis ivvutaw dawk li jinsabu rikoverati fl-isptarijiet madwar Malta u Għawdex. Waqt li llum, lejliet il-jum tal-votazzjoni, bejn is-7am u l-10pm, fin-Naxxar se jivvota l-istaff elettorali li għada se jkun xogħol fuq il-proċess elettorali.

Ta’ min ifakkar li għada l-24 ta’ Mejju se jsiru wkoll elezzjonijiet f’5 kumitati amministrattivi fil-komunitajiet – f’dan il-każ il-votazzjoni ssir b’sempliċi ID Card.  B’kollox kellhom isiru 16-il elezzjoni f’dawn il-hamlets, imma fil-bqija tal-postijiet ma ħarġux biżżejjed kandidati jew ħarġu ezatt kemm kien hemm bzonn.