Futbol Sport

Kroos jiċħad xnigħat ta’ Man Utd … David Luiz ma’ PSG għal somma rekord

Il-midfielder ta’ Bayern Munich Toni Kroos mhux qed jistenna li jitlaq liċ-Champions tal-Bundesliga matul is-sajf.

L-internazzjonali Ġermaniż li bħalissa jinsab mat-tim nazzjonali jipprepara għat-Tazza tad-Dinja fil-Brażil, kien qed jissemma ħafna mal-klabb tal-Premier League Manchester United. Madankollu, rapporti fl-Ingilterra qalu li United qatgħu qalbhom mill-plejer ta’ 24 sena u Kroos insista li l-prospett li jmur jilgħab f’Old Trafford qatt kien fuq l-aġenda tiegħu.

“Inkun sorpriż ħafna jekk Bayern iħalluni nitlaq qabel jinemmlu l-kuntratt fl-2015. Il-klabb kein ċar ħafna u qalli trasferiment għalija matul l-2014 mhux se jkun possibli. Kien hemm ħafna xnigħat imma Manchester United qatt ma kienu fil-kwistjoni u lanqas huma bħalissa. Issa rrid nikkonċentra fuq it-Tazza tad-dinja,” qal Kroos.

Intant l-attakkant ta’ Manchester United Wayne Rooney qal li jixtieq, u jinsab lest li jkun il-captain tat-tim. Il-manager il-ġdid Louis Van Gaal se jkollu jagħżel captain ġdid wara t-tluq ta’ Nemanja Vidic u Rio Ferdinand u l-itirar ta’ Ryan Giggs u Rooney kien favorit li jieħu l-faxxa meta kien hemm manager David Moyes qabel tkeċċa. Rooney qal li tkun xi tkun id-deċiżjoni ta’ Van Gaal se jirrispettaha kif se jirrispetta lill-captain il-ġdid.

DAVID LUIZ – Id-difensur Brażiljan ta’ Chelsea David Luiz mistenni li jingħaqad ma’ Paris Saint Germain għal somma rekord ta’ difensur ta’ 62 miljun ewro. L-aħbar kienet pubblikata fil-ġurnali Ingliżi lbierħa filgħaxija. Aktar qabel il-kowċ Laurent Blanc qal li t-tim qed jipprova jagħmel bejn tnejn u tliet akkwisti oħra minkejja li l-klabb ġie milqut minn multa ta’ 60 miljun ewro aktar kmieni dan ix-xahar talli kiser ir-regolamenti tal-Financial Fair Play tal-UEFA u jrid ikollu biss skwadra ta’ 21 plejer għaċ-Champions League. Huwa kkonferma li Jeremey Menez se jitlaq il-klabb kif l-istess se jagħmel id-difensur Alex.

ITURBE – Porto kkonfermaw li Verona eżerċitaw id-dritt li jixtru għal kollox lil Juan Manuel Iturbe. Il-plejer ta’ 20 sena sieħeb lit-tim tas-Serie A b’self f’Awwissu u issa ġie trasferit għal kollox għal 15-il miljun ewro.

DOMIZZI – Id-difensur ta’ Udinese Maurizio Domizzi aċċetta li jġedded il-kuntratt mal-klabb tas-Serie A sal-2016. Il-plejer ta’ 33 sena ilu mat-tim ta’ Stadio Friuli sa mill-2008 u kien ippremjat wara staġun ieħor konsistenti.

GIOVINCO – Rapporti li hemm interess qawwi mill-klabbs tal-Premier League għall-attakkant ta’ Juventus Sebastian Giovinco mhumiex sorpriża għall-aġent tal-plejer. Giovinco beda biss f’sitt partiti maċ-Champions Taljani dan l-istaġun u bil-kuntratt tiegħu jintemm l-istaġun li ġej huma diversi l-klabbs li qed juru nteress fih, fosthom Arsenal u Tottenham.

BELLAMY – Craig Bellamy xeħet ħarstu fuq it-tmexxija tat-tim nazzjonali ta’ Wales wara li l-Ħamis ħabbar li kien se jirtira mill-futbol wara karriera ta’ 17-il sena. Bellamy li lagħab 78 logħba ma’ pajjiżu għad m’għandux il-kwalifiki kollha ta’ kowċ imma qal li meta jagħmel dan irid jingħata ċans li jmexxi lit-tim nazzjonali qabel jibni karriera bħala manager ma’ klabb.

IMMERS – Il-midfielder offensiv ta’ Feyenoord fl-Olanda, Lex Immers iffirma kuntratt ġdid biex jibqa’ fid-De Kuip sal-2017. Huwa sieħeb il-klabb minn Rotterdam mingħand Den Haag f’Lulju tal-2012 u stabilixxa ruħu bħala plejer regolari mal-14-il darba Champions.