Futbol Sport

Loew jitlef lil Bender u l-Istati Uniti mingħajr Donovan

Lars Bender kien eskluż mill-finali tat-Tazza tad-Dinja x-xahar id-dieħel wara li kompla ggrava injury f’koxxtu. Dan kompla joħloq aktar problemi fil-parti difensiva tal-midfield għall-kowċ Joachim Loew li lbieraħ bgħat id-dar lill-plejer ta’ 25 sena mit-training camp fit-tramuntana tal-Italja.

Loew għażel li ma jsejjaħx plejer ieħor flok Bender mill-iskwadra ta’ 26 li jrid iniżżilha għal 23 sat-2 ta’ Ġunju imma ammetta li t-telfa tad-difensur ta’ Bayer Leverkusen hi daqqa ta’ ħarta.

L-irtirar ta’ Bender kompla ostakola l-preparazzjoni ta’ Loew fil-midfield hekk kif anke l-viċi-captain Bastian Schweinsteiger mhux qed jittrenja minħabba wġiegħ f’irkobbtu waqt li Sami Khedira ta’ Real Madrid mhux se jingħaqad mal-iskwadra qabel il-final tal-lum u għadu ġej minn sitt xhur barra minħabba operazzjoni f’irkobbtu.

Bħalissa Loew għandu nieqsa wkoll lill-captain Philipp Lahm u l-gowlkiper Manuel Neuer li t-tnejn qed jingħataw kura għal injuries u mhux qed jitħarrġu mal-oħrajn.

Donovan dispjaċut
L-eks captain Landon Donovan tħalla barra mill-iskwadra Amerikana għat-Tazza tad-Dinja. Il-plejer ta’ 32 sena li hu l-aqwa skorer ta’ kull żmien għall-Amerikani kien qed jittama li jieħu sehem fir-raba’ finali mit-Tazza tad-Dinja tiegħu imma ma kienx inkluż mill-kowċ Ġermaniż Jurgen Klinsmann meta ħabar it-23 finali.

Minfloku Klinsman inkluda lil Jozy Altidore li kellu staġun fqir ma’ Sunderland biex Donovan, li jinsab ferm dispjaċut wara li skorja 57 gowl għall-Istati Uniti f’156 logħba tpoġġa fil-lista ta’ riservi.

Fernandez operat
Il-midfielder Ċilen Matias Fernandez se jkun operat fl-għaksa dan ix-xahar u se jitlef il-finali tat-Tazza tad-Dinja. Dan kien konfermat mill-klabb tiegħu Fiorentina. Fernandez kien inkluż fl-iskwadra preliminari Ċilena mill-kowċ Jorge Sampaoli.

Iċ-Ċile jinsab fi Grupp B flimkien mal-Awstralja, l-holders Spanja u l-Olanda.