Lokali

Malta għandu minnufih ikollha industrija tal-manifattura aktar produttiva u innovattiva

Il-viżjoni ekonomika tal-Kamra tal-Kummerċ, l-Industrija u l-Intrapriża għas-seba’ snin li ġejjin hi dik li Malta minnufih ikollha industrija tal-manifattura aktar produttiva u innovattiva. Hemm urġenza kbira ta’ azzjoni wara r-realtajiet ġodda li pajjiżna qed jiffaċċja fl-eżitu tal-kriżi finanzjarja fiż-Żona Ewro. Dan qalu l-President tal-Kamra tal-Kummerċ, l-Industrija u l-Intrapriża David Curmi fit-tnedija ta’ dokument mill-Kamra dwar il-Politika Industrijali għal Malta.

Curmi tkellem dwar l-importanza li l-industrija tal-manifattura Maltija tassorbi aktar impjiegi u fakkar kif ix-xogħol hu indikatur tajjeb ħafna għat-tkabbir ekonomiku. Il-Kamra tal-Kummerċ, sostna David Curmi, trid tara pjan ta’ azzjoni mill-Gvern u s-sehem ta’ kull min hu nvolut biex ikompli jinbena fuq it-tajjeb li sar fis-snin li ghaddew.

David Curmi fisser kif id-dokument, li hu pjan għall-politika industrijali Maltija, joffri 64 rakkomandazzjoni u jekk dawn ikunu implimentati, il-pajjiż jista’ jmur aħjar fl-industrija tal-manifattura. Hu qal li dan id-dokument hu prekursur għal viżjoni ekonomika aktar kumplessa sal-2020. Il-President tal-Kamra żied li l-MCAST jista’ jnaqqas ir-rata tal-qgħad f’Malta b’aktar impjiegi fl-industrija. Fakkar kif bħalissa hawn żewġ miljun post tax-xogħol battal fl-industrija tal-manifattura fl-Ewropa.

Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman tal-Grupp tal-Manifattura u Ekonomiji oħrajn fi ħdan il-Kamra Matthias Fauser spjega li l-iskop ta’ dan id-dokument hu biex jitqajjem gharfien dwar l-isfidi li l-bażi industrijali f’Malta qed tiffaċċja biex issostni l-kompetittivita’ tagħha. Hu stqarr li l-Politika Industrijali teħtieġ tkun konsistenti u ffukata fuq il-prinċipji fundamentali li jridu jkunu mwettqa, kif ukoll fuq l-istrateġiji fit-tul b’miri konkreti. Dawn huma r-rieda tal-Gvern biex jagħti iżjed prijorità lill-kompetittività industrijali, il-bżonn ta’ ħaddiema mħarrġa, ambjent kummerċjali kompetittiv, kif ukoll l-isforzi ta’ Malta biex tiffaċilita aċċess lejn swieq barranin.

Matthias Fauser qal li d-dokument tfassal fid-dawl tal-inizjattivi li qed jittieħdu mill-Unjoni Ewropea biex ikun indirizzat in-nuqqas fir-rwol tal-industrija fl-Ewropa. Dan l-iżvilupp jista’ jkun kunsidrat bħala stimolu pożittiv għal Malta biex issir analizi tas-sitwazzjoni u jsiru sforzi ħalli l-kompetittività tissaħħaħ. Fauser żied li Malta saret ukoll it-tieni l-aktar pajjiż għali fl-Ewropa għall-provvediment tal-enerġija u tenna li s-sitwazzjoni hi aggravata, fost oħrajn, minn spejjeż eċċessivi tat-trasport.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet, li attenda għaliha wkoll il-Ministru Chris Cardona, ingħad li t-tħassib prinċipali tal-Kamra hu wara x-xejra preżenti, fejn l-investiment dirett barrani qed jitlef il-linji tal-produzzjoni għal impjanti oħrajn li qed jikkompetu fl-Ewropa. Fi kliem il-Kamra tal-Kummerċ, dan jista’ jwassal għal nuqqas ta’ investiment fl-impjanti lokali mill-kumpaniji li qed jinvestu f’Malta, li jista’ jwassal għal theddida fuq l-impjiegi.