Mara ta’ 35 sena minn Baħar iċ-Ċagħaq ġiet mixlija quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia bl-attentat ta’ qtil tas-sieħeb tagħha, meta fil-lejl ta’ bejn l-Erbgħa li għadda u lbieraħ tajjritu bil-karozza tagħha wara argument bejniethom. Anita Azzopardi wieġbet mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontriha. Allegatament, sforz tad-daqqa ta’ karozza li qala, is-sieħeb tal-akkużata Alfred Mamo spiċċa kiser saqajh.
L-Ispettur Josric Mifsud, li ressaq lill-mara qal fil-Qorti li Azzopardi qaltlu li seħibha kien fis-sakra u beda jwaddab il-ġebel lejn il-karozza tagħha, tal-marka Honda Civic. Sadanittant, l-avukat tagħha Giannella de Marco qalet li wara l-inċident kienet Anita Azzopardi stess li ħadet lil Mamo l-Isptar Mater Dei.
L-avukat qalet ukoll li l-klijent tagħha għandha mpjieg u tliet ulied, li għandhom seba’, tmien u 12-il sena rispettivament. Ingħad ukoll li l-mara għandha kondotta nadifa u rritaljat biss meta sfat attakkata. L-avukat de Marco għamlet ukoll talba għall-ħelsien mill-arrest, iżda l-Prosekuzzjoni opponiet għax qalet li Mamo għadu ma xehedx u fadallu xi tlett ijiem oħra rikoverat fl-Isptar, fejn se ssirlu operazzjoni fuq siequ. Għadhom qed jinġabru wkoll filmati tas-CCTV u xhieda oħra mportanti f’dan il-każ.
L-avukat Demarco qalet li l-imputata għandha t-tfal jgħixu magħha u m’hemmx biża’ li se taħrab jew li jkun hemm xi kontaminazzjoni tal-provi. Barra minhekk, il-mara kkoperat mal-Pulizija u spjegatilhom li kienet hi li qed tiġi aggredita minn Mamo fil-ħin li seħħ il-każ. Dan wara li hu ħadilha ċ-ċwievet tal-karozza u wara tefa’ l-ġebel lejn l-istess karozza. L-avukat de Marco kompliet tgħid li Azzopardi għaddejja minn problemi ma’ żewġha minħabba Mamo.
L-Ispettur Josric Mifsud qal li r-raġel tal-imputata Kevin Azzopardi informa lill-Pulizija li Azzopardi qed tqatta’ ljieli sħaħ barra mid-dar u ma tieħux ħsieb uliedhom. Qal ukoll li martu anke lilu ppruvat ittajjar bil-karozza. L-Ispettur Mifsud qal ukoll li l-Pulizija kellha ukoll rapport mingħand Mamo li l-akkużata marret quddiem l-Ambaxxata Russa u qalbet il-mutur tiegħu mal-art.
Il-Qorti tat il-ħelsien mill-arrest lil Anita Azzopardi fuq depożitu ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €8,000.
//= $special ?>

