L-eks internazzjonali Taljan Marco Materazzi reġa’ tenna li l-kunxjenza tiegħu hi nadifa wara l-każ infami fil-finali tat-Tazza tad-Dinja tal-2006 fejn deher jaqla’ daqqqa ta’ ras mingħand il-Franċiż Zinedine Zidane.
L-eks eroj Taljan, lura fl-2007 kien diġa` żvela ftit minn dak li wassal għar-reazzjoni ta’ Zidane imma reġa’ tenna li ma jridx jemmen bil-kummenti li reġgħu ntqalu fuqu dan l-aħħar.
“Kont viċin biżżejjed Zidane biex inwaqqfu milli jogħla għall-ballun. Poġġejt idejja madwaru u ġbidtu ftit meta kont fuqu. Affarijiet normali fil-logħba li jiġru mijiet ta’ drabi,” qal Materazzi. “Mill-ewel tlabt skuża imma hu baqa’ jgħidli l-istess kliem li jekk ridt il-flokk tiegħu nista’ nieħdu wara l-logħba. Ma riedx jieqaf jgħid l-istess kliem. Għalhekk jien weġibtu biex minflok il-flokk, nippreferi li nieħu lill-oħtu. Dan kien kollox. Din hi l-istorja.
“Forsi kienet l-adrenalina, forsi l-għejja, forsi l-okkażjoni. Imma dak li ġara eżatt wara diffiċli nifhmu. Mexa lejja u f’daqqa waħda tani daqqa ta’ ras f’sidri. Kienet l-aħħar ħaġa li stennejt. Li kieku stennejtha u għollejt idejja, il-probbabbilta` kienet tkun li nitkeċċew it-tnejn. M’għandix ideja x’għadda minn moħħu. Li naf hu li għandi kuxjenza nadifa.
“Forsi dak li għidt ma kienx sabiħ, imma mhux differenti mill-ħafna paroli li jintqal f’kull livell ta’ futbol, mill-bitħa tal-iskola sa kif rajna fil-final tat-Tazza tad-Dinja. Ninsab ċert li sema’ kliem ferm agħar minn hekk.”
Materazzi qal li kien affettwat b’rapporti kontinwi li ndikaw li kien insulta lill-omm Zidane jew li akkużah li kien terrorist.
“Kulħadd spekula dwar x’intqal. Il-media pinġew kull teorija u saħansitra tqabbdu nies li jaqraw ix-xufftejn u akkużawni li għidtlu affarijeit mhux minnhom fil-konfront ta’ ommu u li kien terrorist,” qal it-Taljan.
“Zidane innifsu qatt ma qal il-verżjoni tiegħu, għalkemm xi żmien wara kien qal li l-kliem tiegħi ma kienx razzist jew relatat mat-terroriżmu. Dan ippermettieli nnaddaf ismi u ħadt passi legali kontra dawk il-media li ppubblikaw l-agħar xnigħat bħala fatti. Dan kien importanti għalija, partikolarment il-paroli dwar ommu. Fil-karriera tiegħi stajt għidt affarijiet koroh u kattivi imma qatt ma rreferejt għal omm xi ħadd. Tlift lill-ommi meta kelli 15-il sena u din hi xi ħaġa li dejjem evitajt li ngħid,” qal Materazzi f’intervista tal-ESPN.
//= $special ?>

