Lokali

Media.Link Communications b’servizzi estensivi għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew

Hekk kif għada l-poplu Malti u Għawdxi se jkun qed jivvota biex jeleġġi sitt Membri Parlamentari Ewropej Maltin, MaltaRightNow.com se joffri servizz estensiv dwar dak li jkun għaddej madwar il-gżejjer Maltin b’rabta ma’ din l-elezzjoni.

Is-servizz speċjali, li se jitnieda għada stess għall-ħabta tat-8am u jibqa’ għaddej sat-tmiem tal-proċess tal-għadd tal-voti, se jinkludi l-aħħar aħbarijiet relatati mal-elezzjoni. Wieħed se jkun jista’ jara wkoll ċifri tal-persuni li jkunu ħarġu jivvutaw sas-2pm u fl-aħħar ta’ Jum il-Votazzjoni, filwaqt li jista’ jqabbel dawn maċ-ċifri taż-żewġ elezzjonijiet passati għall-Parlament Ewropew.

Bl-istess mod, filwaqt li wieħed se jkun jista’ wkoll jara r-riżultati finali skont il-partiti politiċi, se jkollu l-possibbiltà li jqabbel dawn iċ-ċifri maż-żewġ elezzjonijiet preċedenti – tal-2004 u tal-2009.

Inizjattiva ta’ MaltaRightNow.com għal dawn il-jiem se tkun li wieħed ikun jista’ jsegwi grafika bl-aħħar ċifri tal-voti miksuba mill-kandidati kollha. Dawn iċ-ċifri se jkunu aġġornati b’ċifri mhux uffiċjali u anke wara biċ-ċifri uffiċjali maħruġa mill-Kummissjoni Elettorali. Waqt dan is-servizz estensiv, wieħed se jkun jista’ jsegwi wkoll ix-xandira diretta ta’ NET Television.

Sa dan it-tant Net TV u Radio 101 se jxandru programmi specjali biex iwasslu f’xandiriet diretti lit-telespettaturi u lis-semmiegħa dak kollu li se jkun qed jigri f’jum il-votazzjoni għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, u l-għada, fil-process tal-għadd li se jsir fiċ-Ċentru tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar.

Matul il-ġurnata tas-Sibt, Net TV se jkun qed iwassal fid-djar tagħkom b’mod dirett dak li jkun qed jiġri fil-postijiet tal-votazzjoni, b’kollegamenti kull siegħa minn diversi lokalitajiet u distretti mis-7am, xħin jiftħu l-postijiet tal-votazzjoni madwar Malta u Għawdex, sa xħin jagħlqu fl-10 ta’ bil-lejl.

L-istess se jiġri fuq Radio 101 fejn fl-aħbarijiet ta’ kull siegħa, li għada se jibqgħu għaddejjin sa tard filgħaxija, nikkolegaw mal-ġurnalisti tagħna li se jkunu qed jirrappurtaw dwar l-andament tal-votazzjoni f’din l-elezzjoni importanti.

Is-Sibt filgħaxija, imbagħad, wara l-bullettin ta’ Netnews tas-sebgħa u nofs, Net TV u Radio 101 jingħaqdu f’xandira waħda simulcast meta jibda programm specjali li matulu nibqgħu għaddejjin b’aktar kollegamenti fl-aħħar ħinijiet tal-votazzjoni, u nkomplu b’kollegamenti diretti, mill-10pm ‘il quddiem, maċ-Ċentru tal-Għadd tal-voti fin-Naxxar.

Fejn jibdew jaslu l-ewwel kaxxi tal-voti, ftit wara li jkunu għalqu l-postijiet tal-votazzjoni madwar il-gżejjer Maltin.

Minkejja li l-process tas-sorting mhux se jibda qabel l-għada, f’nofsinhar, malli l-kaxxi tal-voti jibdew jaslu fin-Naxxar, is-Sibt filgħaxija dawn jibdew jinfetħu mill-ewwel u l-voti bdew jitqassmu f’pakketti ta’ ħamsin, ħamsin.

Permezz ta’ din ix-xandira speċjali fuq Net TV u Radio 101 se nkunu qed inwasslulkom dan il-process LIVE fi djarkom, bil-programm immexxi minn Robert Cremona, li se jinkludi wkoll diskussjoni bis-sehem ta’ diversi mistiedna fl-istudio, jibqa’ għaddej sa xħin joħrog it-Turnout ta’ din l-elezzjoni, fi kliem ieħor sa xhin inkunu nafu kemm ħargu nies jivvutaw f’kull distrett, għall-ħabta ta’ nofsillejl.

L-għada l-Ħadd, inkomplu bi programm ieħor speċjali li jibda fid-disgħa u nofs ta’ filgħodu u jibqa’ għaddej sa filgħaxija, xhin ikun hemm indikazzjoni cara tar-rizultat, ukoll f’xandira simulcast fuq it-televizjoni u r-radju.

Programm speċjali li se jitmexxa minn Nathaniel Attard, il-Kap tat-Taqsima tal-Aħbarijiet ta’ Media Link Communications, u aktar tard, mit-tlieta ta’ wara nofsinhar ‘il quddiem, mill-Avukat Frank Psaila, il-preżentatur tal-programm popolari Iswed fuq l-Abjad fuq Net TV.

Dan il-programm, fl-ewwel sigħat tiegħu filgħodu, se jinkludi analiżi tal-gazzetti tal-Ħadd, u kollegamenti maċ-Ċentru tal-Għadd tal-Voti biex insegwu l-proċess tat-tqassim tal-voti u dak kollu li qed jiġri dak il-ħin. Dan isir bis-sehem ta’ panels differenti ta’ mistiedna fl-istudio, bejn opinjonisti, esperti u politiċi.

Fl-ewwel parti, sa nofsinhar, issir ukoll analiżi tat-Turnout li jkun ħareg fis-sigħat ta’ qabel. Minn nofsinhar ‘il quddiem, imbagħad, fl-aktar hin kruċjali, jiżdiedu l-kollegamenti mal-ġurnalisti tagħna fin-Naxxar biex insegwu l-bidu tal-proċess tal-sorting u tal-għadd. Dan ikun l-aktar mument importanti hekk kif il-voti jibdew jitqasmu fil-karzelli skont il-preferenzi tal-votanti. U dak il-ħin għajnejn kulħadd ikunu fuq is-Sala tal-għadd għall-ewwel indikazzjoni tar-riżultat min-naħa tal-partiti li jkunu qed jieħdu l-kampjuni tagħhom.

Filwaqt li se nsegwu dan kollu LIVE, din ix-xandira se tibqa’ għaddejja sa xhin ikun hemm riżultat aktar indikattiv u jiġu biex jagħtu l-ewwel reazzjonijiet tagħhom il-partiti politiċi. Net TV dak il-ħin mistenni jxandar dirett il-konferenza tal-aħbarijiet tal-Kap tal-PN Simon Busuttil.

Aktar tard filgħaxija l-Ħadd, imbagħad, wara l-bullettin tas-sebgħa u nofs, Net TV se jxandar programm ieħor speċjali mmexxi minn Frank Psaila b’analiżi tar-riżultati li jkunu ħargu sa dak il-ħin.