Lokali

Protest ġudizzjarju mill-UĦM kontra l-MIA

Il-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM) ippreżentat protest ġudizzjarju fil-Qorti kontra l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta (MIA) f’isem il-ħaddiema tas-sezzjonijiet tal-Customer Service Attendants, tal-Informational Technology, tal-Information Management u tal-Electronics and Networks.

Il-proċess ġudizzjarju ppreżentat mill-UĦM jispjega li l-union għandha numru ta’ membri li jaħdmu mal-MIA u li fil-preżent għandha rikonoxximent konġunt flimkien mal-GWU fin-negozjar kollettiv. Fi stqarrija l-UĦM qalet li ftit tal-ġimgħat ilu kienet ġiet infurmata li l-MIA se tagħmel outsourcing tas-sezzjoni tal-Customer Service Attendants u għalhekk saru laqgħat bejnha, il-GWU u l-MIA. Sostniet li dawn it-taħditiet ma wasslux għal konklużjoni finali u li sadanittant kien inbeda proċess ta’ verifika mad-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali biex jiġi kkonfermat liema union għandha l-maġġoranza fl-MIA.

Wara, il-UĦM kienet ġiet infurmata li l-outsourcing mhux se jsir biss għall-Customer Service Attendants, iżda anke għal sezzjonijiet oħra. Il-protest ġudizzjarju jispjega li meta saret taf b’dan, il-UĦM talbet laqgħa ta’ konsultazzjoni mal-MIA u kienet ġiet infurmata li l-GWU kkomunikat mal-MIA u nfurmat lill-kumpanija li ma kinitx qed taċċetta li tiltaqa’ fuq din il-materja. B’konsegwenza ta’ dan, l-MIA ħassret il-laqgħa u għamlet laqgħa mal-ħaddiema mingħajr il-preżenza tal-union.

Il-UĦM qalet li dawn id-deċiżjonijiet jimminaw il-proċess ta’ konsultazzjoni. Għaldaqstant, talbet lill-Qorti biex tikkonferma li l-kumpanija li qed tmexxi l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qed tonqos mill-obbligi legali u titlobha tlaqqa’ l-partijiet kollha konċernati ħalli jsir proċess ta’ konsultazzjoni ġust u trasparenti. Il-union avżat li fin-nuqqas li jsiru l-laqgħat ta’ konsultazzjoni, se żżomm lill-MIA responsabbli għad-danni li tista’ ssofri hi u l-ħaddiema membri tagħha.