Internazzjonali

Theżżiża lill-Camorra

Il-familja mafjuża tal-Camorra, li hi bbażata f’Napli, għaddejja minn theżżiż sostanzjali wara li wieħed mill-membri ewlenin tagħha ddeċieda li jikxef il-verità dwar l-attivitajiet kriminali ta’ dan il-grupp.

Il-mafjuż, Antonio Iovine – imlaqqam ‘il-ministru tal-ekonomija tal-Camorra’ – jinsab il-ħabs u bħalissa qed jinżamm ġo taqsima għal sigurtà ta’ livell għoli. Intant, hu mifhum li dan il-pentito qed jiżvela s-sigrieti terribbli tal-grupp mafjuż, u l-konsegwenzi ta’ kliemu kapaċi jħallu impatt qawwi u sinifikanti għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata.

Dan għaliex l-informazzjoni min-naħa ta’ Iovine mhux talli qed iġġib lil diversi membri tal-Camorra b’daharhom mal-ħajt, talli, anke skont ir-rapporti, fetħet ukoll għall-possibbiltà li tispiċċa ġenerazzjoni sħiħa ta’ elementi li huma assoċjati mal-mafja.

Qabel inqabad mill-Pulizija f’Novembru tal-2010 (wara erbatax-il sena jiżgiċċa l-ġustizzja) Iovine kien ikkunsidrat bħala l-ewwel kap ta’ veru tal-familja Casalesi (tal-Camorra), li hi bbażata f’Caserta, fit-Tramuntana ta’ Napli. Din il-familja infami saret isem ‘ċelebri’ wara li l-attivitajiet kriminali tagħha ngħataw prominenza fil-ktieb Gomorrah, tal-ġurnalista Roberto Saviano, u li jibbaża fuq il-film tal-istess isem.

Hu maħsub li l-kompliċi tal-Camorra jinkludu l-politiċi korrotti, il-ħaddiema maċ-ċivil u n-negozjanti li ‘jinkwadraw’ fid-diversi attivitajiet kriminali tal-grupp li jibbażaw fuq ir-rikatt, il-prostituzzjoni u t-traffikar tad-droga.