Bosta swieq finanzjarji Ewropej ma jistgħux jaqbdu r-ritmu tant tajjeb li gawdew is-sena li għaddiet. L-inċertezza qed tkompli tiddomina s-swieq Ewropej, hekk kif is-sitwazzjoni fl-Ukrajna għadha waħda ferm sensittiva. Fl-istess waqt, ir-Russja ffirmat kuntratt ta’ bejgħ ta’ gass liċ-Ċina għal 30 sena, f’negozju li jlaħħaq mal-$40 biljun. Bosta analisti qalu li dan il-ftehim jista’ jħalli effett fuq l-ekonomiji Ewropej fis-snin li ġejjin.
Bl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew u anke elezzjonijiet fl-Ukrajna, bosta swieq kienu kwieti u raw negozju anqas mis-soltu.
Is-sentiment ekonomiku fil-Ġermanja jinsab fl-aktar livell baxx s’issa matul din is-sena. Bosta kumpaniji Ġermaniżi jwettqu negozju mar-Russja u għaldaqstant aktar sanzjonijiet fuq ir-Russja jistgħu jwasslu għal anqas xogħol fil-Ġermanja. Fl-aħħar jiem, rajna wkoll li kemm fi Spanja kif ukoll fil-Greċja kellhom il-credit rating tagħhom imtejjeb. Dan jista’ jwassal għal aktar kunfidenza f’dan is-swieq, li fl-aħħar snin missew l-aktar livelli baxxi għal dawn l-aħħar 100 sena.
Il-kumpanija Hewlett Packard keċċiet eluf ta’ ħaddiema f’tentattiv biex tibdel l-istrateġija tagħha. L-isports tal-golf qed inaqqas ferm fil-popolarità tiegħu, hekk kif eluf kbar ta’ nies qed jieqfu jipprattikaw dan l-isport meqjus bħala ‘tas-sinjuri’. Analisti jgħidu li dan hu riżultat ta’ nuqqas ta’ titjib f’ċerti ekonomiji.
Wieħed mill-akbar banek Ġermaniżi, id-Deutsche Bank, biegħ miljuni ta’ ishma lil investituri kbar mill-Qatar biex itejjeb il-kapital tiegħu. Il-munita ewro qed tkompli tiddgħajjef ma’ bosta muniti internazzjonali oħrajn, hekk kif qed noqorbu biex ir-rati ta’ nteress fiż-Żona Ewro jkomplu jonqsu.
Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd | www.mpmci.net | tel. 21493250
L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma pprovduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.
//= $special ?>