Il-Kummissarju tal-Pulizija Peter Paul Zammit ikkonferma ma’ dan l-istazzjon li sal-bieraħ filgħaxija kienu qed jingħataw transfers fil-Korp tal-Pulizija. Transfers li jkomplu mal-mijiet li ngħataw fil-Korp fl-aħħar xhur.
B’kollox ingħataw madwar mitt transfer fl-aħħar tlett ijiem, jiem li suppost fihom il-pulizija kienet qed tikkonċentra fuq l-aħħar jiem tal-kampanja elettorali u l-preparamenti għall-elezzjoni tal-lum.
Tant li minħabba l-ħidma li l-Korp tal-Pulizija jkollu fil-jiem meta toqrob xi elezzjoni, nhar il-Ħamis li għadda l-Uffiċċju tal-Kummissarju tal-Pulizija talab lill-Qorti biex f’dawn il-jiem il-pulizija jkunu eżenti milli jattendu l-Qorti ħalli jiddedikaw l-attenzjoni tagħhom għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. It-talba tal-Korp tal-Pulizija ntlaqgħet mill-Prim Imħallef Silvio Camilleri.
Madankollu, nhar il-Ħamis ingħataw madwar 30 transfer lil numru ta’ membri tal-Korp, li tneħħew mir-Rapid Intervention Unit u ntbagħtu fid-Distretti. Jirriżulta wkoll li t-transfers komplew jingħataw ilbieraħ ukoll.
Fil-każ tat-transfers tal-bieraħ, il-Pulizija milquta kienu nfurmati biss b’telefonata u mhux bil-miktub. Fost dawn hemm Pulizija li ntbagħtu jaħdmu fl-Għases ta’ San Giljan u tal-Belt.
L-ammont ta’ transfers ilbieraħ ammonta b’kollox għal madwar 40 oħra. Informazzjoni li għandna tgħid li dawn it-transfers kienu kollha ordnati mic-Chief of Staff tal-Ministeru tal-Intern, Silvio Scerri, lill-Maġġur responsabbli mir-Rizorsi Umani tal-Korp u mingħajr it-talba formali tal-Kummissarju tal-Pulizija.
U dan minkejja li l-Pulizija ilhom bi stop leave mill-aħħar ta’ April minħabba din l-elezzjoni.
//= $special ?>