Wara s-suċċess enormi miksub is-sena l-oħra, l-organizzaturi tal-Malta International Food Festival ippjanaw attività ferm ikbar u isbaħ għal din is-sena. Din l-attività ser tittella’ f’Ħaż-Żabbar nhar is-Sibt 31 ta’ Mejju mis-7 ta’ filgħaxija l’quddiem.
The Malta International Food Festival qed jiġi organizzat minn madwar 100 voluntier, kollha minn għaqdiet differenti Żabbarin u ser tkun tinkludi 10 attrazzjonijiet, kollha minn pajjiżi differenti minn madwar il-globu. Kull pajjiż ospitat waqt il-festival ser ikun qed jiftaħar bl-ikel tipiku tiegħu.
Dawk preżenti jistgħu jduqu s-saqajn taż-żrinġijiet minn Franza, l-ischnitzel u z-zalzett rinomat Ġermaniż, il-famuża Paella minn Spanja, l-għaġin Taljan, togħmiet tipiċi Ċiniżi u Għarab, Platti Amerikani u ovvjament it-togħma bnina tal-palat Mediterranju fl-ikel Malti. Ħlewwiet differenti, sorpriżi, tisjir tal-ikel bi spettaklu u diversi attrazzjonijiet gastronomiċi ser ikunu l-ordni tal-ġurnata.
Matul il-lejl kollu, dawk preżenti jistgħu wkoll igawdu minn spettaklu u divertiment kontinwu fuq żewġ palkijiet armati fil-pjazez prinċipali tal-attività. Id-divertiment artistiku ser ikun f’idejn l-aqwa talent mużikali lokali, b’artisti, korijiet u żeffiena ta’ isem rinomat, joffru l-ispettaklu tagħhom matul l-attività kollha. Dawn il-kunċerti ser jittellgħu wkoll bl-għan nobbli li tingħata għajnuna permezz ta’ donazzjonijiet lil Puttinu Cares.
Matul is-serata, diversi artisti mis-serje popolari Maltija, Iċ-Ċaqqufa, ser ikunu preżenti biex l-ammiraturi jkunu jistgħu jieħdu ritratti ta’ tifkira magħhom.
Għal aktar informazzjoni u dettalji wieħed jista’ jiħdol fl-event page tal-attività fuq: www.facebook.com/pages/Malta-International-Food-Festival
//= $special ?>