Kultura Lokali

Jingħata bidu għal Malta Fashion Week 2014

Ingħata bidu għal Malta Fashion Week 2014, avveniment annwali li din is-sena qed jiġi organizzat bil-kooperazzjoni tal-Fondazzjoni V18 bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet fil-Belt Valletta bi preparazzjoni għas-sena 2018, meta l-Belt Valletta tiġi maħtura bħala l-Belt Kapitali tal-Kultura.

Il-Malta Fashion Week 2014 ġiet inawgurata miċ-Chairperson tal-V18 Jason Micallef flimkien mal-Produttur Eżekuttiv Adrian J Mizzi u s-Sindku tal-belt Valletta Alexiei Dingli.

Fil-fatt, bis-saħħa tal-kollaborazzjoni bejn il-Malta Fashion Week u il-V18, dan l-avveniment se jkun qed jittella’ fuq skala akbar minn snin oħra, fost oħrajn permezz tas-sehem ta’ għadd ta’ studenti tal-arti u d-disinn mill-Olanda. Dawn l-istudenti se jkunu qed jikkollaboraw ma’ studenti mill-MCAST fuq proġett li se jkun qed jiġi preżentat bħala parti mill-esebizzjonijiet marbuta ma’ dan l-avveniment.

L-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Malta Fashion Week se tittella f’diversi postijiet madwar il-belt Valletta, fosthom Pjazza San Ġorġ, il-Librerija Nazzjonali, iċ-Ċentru tal-Mediterran għal Konferenzi u l-forti Sant Iermu.

Il-Malta Fashion Week se tiġi fi tmiemha l-ġimgha d-dieħla wara għadd ta’ esebizzjonijijet b’xogħol ta’ aktar minn 28 disinjatur u ditti tal-moda lokali u internazzjonali magħrufa.