Futbol Sport

‘La Decima’ ta’ Real Madrid issir realta`

REAL MADRID ………….4
ATLETICO MADRID ………1

Id-derby ta’ Madrid fuq l-ogħla palk internazzjonali tal-klabb fl-Ewropa rriżulta f’wieħed missielet, eċċitanti u drammatiku bir-riżultat aħħari 4-1 favur Real Madrid wara l-ħin barrani, qarrieqi għal kollox. Meta deher li Atletico Madrid kienu se jnaqqxu isimhom għall-ewwel darba fuq il-UEFA Champions League, fit-tielet minuta minn ħamsa miżmuma żejda, wasal il-gowl tad-draw ta’ Sergio Ramos li xeħet il-logħba fil-ħin barrani fejn minn hemm kien fadal biss tim wieħed. Real Madrid sa fl-aħħar rebħu ‘La Decima’, Champions Ewropej għall-10 darba.
Kienet 15-il finali taċ-Champions League f’dan is-seklu li marret għall-ħin barrani.
Għal 75 minuta Atletico kien jimmeritahom il-vantaġġ għaliex kienu l-aħjar tim imma fl-aħħar kwarta tal-ħin regolamentari l-kundizzjoni fiżika għamlet id-differenza u l-istaġun twil ħalla l-effett tiegħu.
L-esperiment ta’ Diego Costa dam anqas minn 10 minuti meta l-plejer ħareġ imweġġa’ u floku daħal Adrian Lopez fost ibbuwjar qawwi mill-istadium. Il-karta li lagħab Diego Simone ġiet kontrih u tilef sostituzzjoni kmieni fil-partita.
Fil-31 minuta cross fil-kaxxa ta’ Real ħoloq paniku u spiċċa għand David Villa li naqas milli jikkonnettja imma minuta biss wara wasal l-ewwel ċans veru tal-partita fuq in-naħa l-oħra meta Gareth Bale approfitta minn żball ta’ Tiago u wara li għadda tajjeb, kważi minn fuq il-penalty spot xeħet ftit barra fil-baxx.
Risposta mmedjata minn Atletico li biha marru fil-vantaġġ mgħejuna wkoll minn ħarġa ħażina tal-gowlkiper Casillas fis-36 minuta.
DIEGO GODIN wara li skorja l-gowl il-ġimgħa l-oħra u tahom il-Kampjonat Spanjol, reġa’ kien hu li poġġihom fil-vantaġġ u l-ewwel Urugwajan li skorja fil-finali. Real ikklerjaw korner, il-ballun reġa’ kien indirizzat fil-kaxxa fejn Godin ssikkat minn Khedira, bir-ras qabbeż fuq Casillas li kien indeċiż. Kien it-tmien gowl ta’ Godin dan l-istaġun, kollha bir-ras.
Kien fit-53 minuta li Real kellhom ċans permezz ta’ freekick minn 25 metru ta’ Ronaldo imma Courtois mblokka bi tbatija u mill-corner sussegwenti l-istess Ronaldo xeħet ftit barra.
Fl-aħjar mument għal Real Ancelotti għamel bidla doppja b’Isco u Marcelo flok Khedira u Coentrao u bidel l-andament tal-logħba.
L-aħħar kwarta kienu sfida bejn attakk u difiża u fit-73 minuta Bale ikkontrolla tajjeb suġġeriment ta’ Ronaldo imma xeħet barra. Ħames minuti wara kien Ronaldo li kkonkluda għoli u fis-77 minuta ċans ieħor għal Bale li ħarab mal-linja imma flok qassam għat-tielet darba xeħet barra.
Il-ħames minuti miżjuda fuq il-ħin kienu l-agħar assedju li qatt għaddew minnu Atletico u fit-93 minuta minn corner reġa’ kien SERGIO RAMOS li bir-ras skorja t-tielet gowl tiegħu fi 11-il logħba.
Il-gowl ta’ saħħa morali lil Real li dehru aħjar anke fil-ħin barrani waqt li Atletico ma kienx fadlilhom aktar enġerija x’joffru.
Fil-110 minuta ħarba ta’ Angel Di Maria u x-xutt tiegħu kien salvat minn Courtois imma fil-viċin kien hemm GARETH BALE li bir-ras xeħet fix-xibka.
Real bdew isibu aktar spazju u fil-118-il minuta kien is-sostitut MARCELO li għadda tajjeb u b’xutt fil-baxx għeleb lil Courtois.
Imma kien ukoll fadal ħin għal aktar gowls u fil-119-il minuta Godin ikkommetta penalty għal foul fuq Ronaldo u mill-11-il metru l-istess CRISTIANO RONALDO skorja s-17-il gowl tiegħu dan l-istaġun fil-kompetizzjoni u Ancelotti sar it-tieni kowċ li rebaħ il-kompetizzjoni tliet darbiet wara Bob Paisley ta’ Liverpool.