Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Simon Busuttil qatta’ l-ġurnata tas-Sibt iżur numru ta’ każini, postijiet tal-votazzjoni u postijiet oħra madwar Malta u Għawdex.
Matul iż-żjarat fid-distretti kollha f’jum il-votazzjoni għall-elezzjoni tal-PE, hu kien akkumpanjat minn diversi uffiċjali tal-partit fosthom is-Segretarju Ġenerali Chris Said, il-Viċi Kapijiet Beppe Fenech Adami u Mario de Marco, kif ukoll numru ta’ uffiċjali oħra tal-partit u kandidati għal din l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.
Il-ġurnata ta’ Simon Busuttil bdiet għall-ħabta tat-tmienja u nofs ta’ filgħodu bl-ewwel żjara, fis-Sekodnarja tas-subien tal-Imtarfa fejn kienet qed issir il-votazzjoni. Minn hemm il-Kap tal-Partit Nazzjonalista żar il-każin tal-Partit Nazzjonalista f’Ħad-Dingli qabel kompla lejm Ħal-Lija, il-lokalita’ fejn jgħix u allura hu rreġistrat biex jivvota Simon Busuttil.
Wara li tefa’ l-vot tiegħu fil-post tal-votazzjoni f’Ħal Lija, fl-iskola primarja tal-lokalita’, Simon Busuttil kompla biż-żjarat tiegħu f’Malta qabel ma fis-siegħa ta’ wara nofsinhar qabad il-vapur t’Għawdex biex kompla ż-żjarat f’numru ta’ lokalitajiet Għawdxin.
Id-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista rritornat lura lejn Malta għall-ħabta tal-Erbgħa u nofs biex komplew iż-żjarat f’numru ta’ lokalitajiet madwar Malta, bl-aħħar waħda tkun fl-Iklin ftit wara d-disgħa ta’ filgħaxija.
Fil-każini tal-lokalitajiet differenti, l-uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista ltaqgħu u qattgħu xi ħin mal-kunsillieri, il-membri tal-kumitati tal-lokalitajiet differenti u l-ħaddiema fil-każini tal-Partit Nazzjonalista. Kull fejn marru l-uffiċjali ntlaqgħu minn numru sabiħ ta’ residenti u persuni li kienu sejrin jivvutaw.
Din kienet opportunita’ oħra għall-Partit Nazzjonalista biex anke wara li għaddiet il-kampanja elettorali jkompli jżur lin-nies u jiltaqa’ magħhom.
//= $special ?>