L-Armata tat-Tajlandja qed tkompli tikkonsolida l-poter f’Bangkok wara l-kolp ta’ stat ta’ din il-ġimgħa, b’kelliema militari qed jgħidu li numru ta’ politiċi, fosthom l-eks Prim Ministru, Yingluck Shinawatra, qegħdin jinżammu taħt arrest ‘biex ikollhom żmien biżżejjed ħalli jaħsbuha mill-ġdid u jibdlu l-pożizzjoni tagħhom’.
Intant, il-militar Tajlandiż ħareġ direttivi biex madwar erbgħin persuna oħra, inklużi akkademiċi prominenti, attivisti u politiċi, jirrappurtaw ‘quddiemhom’. Dan wara d-direttivi preċedenti biex ’il fuq minn mitt politiku, inkluża Shinawatra, jippreżentaw ruħhom quddiem il-kunsill militari f’Bangkok.
Yingluck Shinawatra, nhar il-Ġimgħa, baqgħet miżmuma taħt arrest, b’ħafna nies li spiċċaw fuq ‘il-lista’ tal-Armata qed ikunu mixlija talli tkellmu jew aġixxew kontra l-Monarkija tat-Tajlandja.
Ilbieraħ ukoll, mijiet ta’ dimostranti ħarġu fit-toroq ta’ Bangkok biex jesprimu rabja għall-kolp ta’ stat, b’uffiċjali fil-kapitali jtennu li l-eks Prim Ministru Shinawatra ma kellhiex tinżamm taħt arrest għal aktar minn ġimgħa.
Madankollu, l-istess uffiċjali insistew li l-arrest tagħha kien neċessarju filwaqt li l-militar ‘jorganizza l-affarijiet fil-pajjiż’.
//= $special ?>