Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Jivvutaw 33.83% sas-2pm

Hekk kif għaddew nofs is-sigħat li matulhom il-Maltin u l-Għawdxin qed jivvutaw fl-elezzjoni għall-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni Elettorali ppubblikat il-persentaġġi ta’ nies li marru jivvutaw sas-2pm. Skont dawn iċ-ċifri jirriżulta li sas-2pm ivvutaw b’kollox 33.83% ta’ dawl reġistrati.

L-aktar distrett li fih marru jivvutaw nies kien l-1 distrett, b’39.63%. Dan id-distrett hu magħmul mill-belt Valletta, il-Floriana, il-Ħamrun u partijiet mill-Marsa, Tal-Pieta’ u Santa Venera. Min-naħa l-oħra, id-distrett li fih marru jivvutaw l-anqas nies sas-2pm kien it-12-il distrett, b’28.58%. Dan id-distrett hu magħmul mill-Mellieħa u San Pawl il-Baħar, fost oħrajn.

Il-lista s-sħiħa ta’ kemm ivvutaw, skont id-distretti, hi kif ġej:

– L-1 distrett, li jinkludi fih il-Belt, il-Floriana u l-Ħamrun: 39.63%
– It-2 distrett, li jinkludi l-Kottonera, Ħaż-Żabbar u l-Kalkara: 35.30%
– It-3 distrett, li jinkludi ż-Żejtun: 33.33%
– Ir-4 distrett, li jinkludi Santa Luċija, Ħal Tarxien u l-Gudja: 38.19%
– Il-5 distrett, li jinkludi Birżebbuġa, Marsaxlokk u l-Qrendi: 32.45%
– Is-6 distrett, li jinkludi Ħal Qormi u Ħal Luqa: 35.43%
– Is-7 distrett, li jinkludi l-Imdina, Ħaż-Żebbuġ u Ħad-Dingli: 31.98%
– It-8 distrett, li jinkludi Birkirkara, l-Iklin u Ħal Lija: 33.44%
– Id-9 distrett, li jinkludi l-Imsida, San Ġwann u l-Għargħur: 32.27%
– L-10 distrett, li jinkludi l-Gżira, San Ġiljan u Tas-Sliema: 35.80%
– Il-11-il distrett, li jinkludi Ħ’Attard u l-Mosta: 32.88%
– It-12-il distrett, li jinkludi l-Mellieħa u San Pawl il-Baħar: 28.58%
– It-13-il distrett, ta’ Għawdex: 32.10%