Lokali

Aktar transfers għal tal-qalba

Minn informazzjoni li għandu maltarightnow.com, Rita Grima, il-Viċi Sindku taż-Żurrieq li kienet inħatret mill-eks Ministru tas-Saħħa Laburista, Godfrey Farrugia bħala Kap tal-Customer Care fil-Ministeru tas-Saħħa, issa se tingħata l-kariga ta’ Project Manager għar-Refurbishing tal-Out Patients fl-Isptar San Luqa.

Grima hija midwife, imma taħt Gvern Laburista qed tingħata karigi għoljin, l-ewwel fil-Ministeru tas-Saħħa, issa fil-livell ta’ Project Manager.

Fil-bidu tal-leġiżlatura, maltarightnow.com kien żvela li filwaqt li ngħatat il-kariga li tmexxi l-Uffiċċju tal-Customer Care fil-Ministeru tas-Saħħa, baqgħet tagħmel ultrasounds lill-klijenti li jmorru l-out-patients tal-Gynae fl-Isptar Mater Dei.

Dak iż-żmien konna żvelajna li Grima tiġi kuġina ta’ Marlene Farrugia, is-sieħba tal-eks Ministru tas-Saħħa Godfrey Farrugia li rriżenja minn Ministru ftit tax-xhur ilu.

B’hekk issa jidher li minkejja li Godfrey Farrugia rriżenja, Rita Grima xorta ngħatat kariga ġdida minkejja li mgħadhiex tmexxi d-Dipartiment tal-Customer Care fil-Ministeru tas-Saħħa, li issa ngħaqad ma’ dak tal-Enerġija u hu mmexxi minn Konrad Mizzi.

Minn informazzjoni li għandu maltarightnow.com jirriżulta li minflok Grima, il-Ministru tas-Saħħa ħatar bħala Kap tal-Customer Care fil-Ministeru tas-Saħħa u l-Enerġija lis-Sindku Laburista ta’ Ħal Għaxaq, Darren Abela.

Minn informazzjoni li għandna Darren Abela huwa pustier, imma hu wkoll, taħt Gvern Laburista se jkun qed jokkupa kariga f’livell għoli bħala Kap tal-Customer Care tal-Ministeru mmexxi minn Konrad Mizzi li jikkontesta propju fir-raba’ distrett li jinkludi lil Ħal Għaxaq.

Ħal Għaxaq, lokalità fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta, hija viċin il-lokalitajiet ta’ Birżebbuġa u Marsaxlokk fejn il-Ministru tal-Enerġija, Konrad Mizzi, se jpoġġi tanker bil-ħażna tal-gass f’nofs il-Bajja ta’ Marsaxlokk. Issa s-Sindku Laburista ta’ din il-lokalità, li kien appella biex il-Gvern ilaqqa’ is-Sindki kollha tan-naħa ta’ isfel ta’ Malta biex jisma’ l-ilmenti tan-nies, ingħaqad mal-Ministeru li lil dawn ir-residenti se jpoġġilhom tanker bil-ħażna tal-gass viċin ir-residenzi tagħhom.