Iċ-Chairperson tal-Alternattiva Demokratika Arnold Cassola qal li minkejja li l-AD kisbet riżultat ta’ 2.8%, għad hemm post għall-AD fix-xena politika Maltija. Huwa qal li dan ir-riżultat ifisser żieda ta’ 0.5% meta mqabbel mal-elezzjoni għall-Parlament Ewropew ta’ ħames snin ilu.
Cassola kien qed jagħti r-reazzjoni tal-AD għall-ewwel indikazzjonijiet tar-riżultat elettorali waqt konferenza tal-aħbarijiet fis-Sala tal-Għadd tal-Voti fin Naxxar.
Cassola, li kien kandidat f’din l-elezzjoni, iddesrkiva bħala preokkupanti l-fatt li l-partiti ż-żgħar kisbu madwar 3.5% tal-voti u attribwixxa dan għat-tħassib tal-Maltin dwar l-immigrazzjoni irregolari. Huwa qal li t-tħassib tal-poplu dwar l-immigrazzjoni huwa l-iktar imsejjes fuq il- biżgħa li l-barranin se jieħdu xogħol il-Maltin. Cassola saħaq li, għaldaqstant, hawn ħtieġa ta’ pjan serju għall-ħolqien tax-xogħol li jxejjen dawn il-biżgħat tal-Maltin.
Iċ-Chairperson tal-AD qal li matul din il-kampanja l-AD iffukat fuq temi Ewropej u fl-istess kampanja l-AD saħqet li wieħed ma jistax jitkellem mod f’Malta u mbagħad jagħmel mod ieħor fl-Ewropa.
Huwa xejjen ukoll mistoqsijiet tal-ġurnalisti dwar jekk l-AD għandhiex titiqies bħala pressure group u qal li għall-kuntrarju l-AD ressqet fuq l-aġenda politika kwistjonijiet importanti bħad-dekriminilizzazzjoni tad-droga u għaldaqstant għandha titqies bħala partit politiku.
Arnold Cassola qal ukoll li wieħed irid janalizza wkoll min huma il-madwar 15% tal-votanti li għażlu li ma jixħtux il-vot tagħhom. Mistoqsi dwar il-futur tiegħu bħala Chairman tal-AD, Cassola qal li l-mandat tiegħu huwa sa Ottubru u wieħed irid jara jekk dan il-mandat hux se jkun imġedded jew le.
//= $special ?>