Lokali

Il-Mafja Taljana bi swaba ta’ qarnita f’Malta

Storja fil-ħarġa ta’ il-mument tiżvela li Malta spiċċat wieħed mill-pajjiżi fl-Ewropa li l-Mafja Taljana qed tuża għall-ħasil ta’ miljuni ta’ ewro billi qed tidħol f’xiri u twaqqif ta’ negozji ġodda f’Malta.

Artiklu intitolat, Il-Mafja Taljana bi swaba ta’ qarnita f’Malta, jiżvela li fost l-aktar setturi li jissemmew hemm dawk tal-ikel u r-ristoranti, postijiet tad-divertiment kif ukoll l-industrija tal-bini.

Dawn huma industriji u negozji fejn il-ħlas involut ivarja u għalhekk jagħmilha faċli ħafna biex isir ħasil ta’ flus li jkunu ġejjin minn attività kriminali oħra tal-Mafja.

L-artiklu jiżvela li membri tal-Mafja qed javviċinaw negozjanti Maltin li jaħdmu f’dawn l-industriji u juruhom ix-xewqa li jkunu jridu jixtru n-negozju u f’każi li ma jingħatawx wiċċ, mhux eskluż li jkun hemm theddid.

Filwaqt li qed irabbu l-għeruq f’Malta, membri tal-Mafja huma tal-fehma li l-awtoritajiet Maltin huma dgħajjfa fil-konfront tagħhom minħabba li ma ssir l-ebda verifikazzjoni jew kontroll ta’ kif tinbidel it-tmexxija ta’ operat ta’ negozju.

Filwaqt li l-forzi tas-sigurtà fi Sqallija jinsabu mħassbin serjament dwar l-ammont ta’ droga li qed tkun ittraffikata minn Sqallija lejn Malta, teżisti sitwazzjoni oħra xejn sabiħa għall-membri tas-sigurtà taż-żewġ pajjiżi. Din hi l-mod kif il-Mafja Taljana, partikularment dik Naplitana magħrufa bħala Camorra, irnexxielha tinfiltra u topera f’Malta.

Malta mhix l-uniku pajjiż Ewropew f’din ix-xibka ta’ operazzjonijiet mill-Mafja u skont rapporti li dehru fuq ir-rivista Taljana l’Espresso, il-Camorra u l-Ndrangheta, il-Mafja ta’ Kalabrija, huma dawk li l-aktar rabbew l-għeruq f’pajjiżi Ewropej.

Id-Direttur tal-Financial Intelligence Analysis Unit f’Malta Manfred Galdes meta kien mitlub jagħti r-reazzjoni tiegħu dwar dan, qal li ma jistax jingħata tagħrif dwar l-analiżi tal-każi investigati f’xogħol daqstant sensittiv u ta’ natura kunfidenzjali.