Lokali

Ir-rabta bejn Muscat u Yanukovych bis-saħħa tas-Soċjalisti Ewropej

Is-Soċjalisti Ewropej kienu r-rabta fir-relazzjonijiet li l-Gvern Laburista ta’ Joseph Muscat żviluppa mal-Partit tar-Reġjuni tal-Ukrajna tal-eks President Ukren Viktor Yanukovych, li sa Frar li għadda kien qiegħed imexxi lill-pajjiż sakemm kellu jċedi t-tmexxija wara protesti favur id-demokrazija u relazzjonijiet eqreb mal-Unjoni Ewropea li jridu l-maġġoranza tal-Ukreni.

F’artiklu fil-gazzetta il-mument juri li s-Soċjalisti Ewropej kellhom l-istess konsulent, li sa minn qabel l-aħħar elezzjoni, Joseph Muscat kien beda jagħmel użu tiegħu u kompla juża s-servizzi tiegħu mill-Gvern. L-istess konsulent kien jagħmel ukoll xogħol għall-Gvern Ukren fi żmien li kien qiegħed jitmexxa mill-Partit tar-Reġjuni tal-eks President Viktor Yanukovych u tal-eks Prim Ministru Mykola Azarov.

Dan huwa Robert Van de Water, b’esperjenza fis-Segretarjat tas-Soċjalisti fil-Parlament Ewropew, b’rwol ta’ konsulent fid-Dipartiment responsabbli mir-relazzjonijiet mal-pajjiżi ġirien.

Din ir-rabta hija kkonfermata biż-żjara uffiċjali li l-Prim Ministru Joseph Muscat u d-delegazzjoni tiegħu li kienet tinkludi wkoll lil George Vella, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin, kienu għamlu f’Settembru tas-sena li għaddiet fejn  kien hemm Robert Van de Water, il-konsulent komuni għall-Gvern Ukren ta’ dak iż-żmien, ta’ dak Malti u tas-Soċjalisti Ewropej.

F’Marzu li għadda, il-mument żvela kif Robert Van de Water għandu rabtiet sew fil-Partit ta-Reġjuni fl-Ukrajna flimkien ma’ martu Inna Kirsch, li hija ċ-chairperson tal-ECFMU – il-European Centre for a Modern Ukraine – organizzazzjoni bbażata fi Brussell li twaqqfet ftit tas-snin ilu mill-Partit tar-Reġjuni.

Skont il-Kummissjoni Ewropea, l-ECFMU għandu baġit ta’ 10,000 ewro, iżda hemm dubji minn fejn jiġi l-finanzjament ta’ din l-organizzazzjoni. Din l-entità mwaqqfa mill-partit ta’ Yanukovych, b’chairperson tiġi mart il-konsulent tal-Prim Ministru Joseph Muscat, f’sentejnħallset eluf ta’ dollari lil żewġ kumpaniji li jispeċjalizzaw fir-relazzjonijiet pubbliċi u fil-lobbying Amerikan.

Sergiy Leschenko, ġurnalist Ukren f’investigazzjoni estensiva dwar ir-rwol ta’ dawn iż-żewġ kumpaniji akkużhom li kienu qegħdin jaġixxu f’isem Viktor Yanukovych, dak iż-żmien President Ukren biex imexxu l-interessi tal-Gvern tiegħu fil-Kungress Amerikan.

Mart il-konsulent tal-Prim Ministru Joseph Muscat, Inna Kirsch qatt ma żvelat is-sors ta’ dawn il-flus, minkejja li l-konsulent ta’ Muscat hu d-Deputat Chairman tal-Bord tal-Fondazzjoni Klyuyev.

Ara grafika tar-rabta bejn Muscat u Yanukovych bis-saħħa tas-Soċjalisti Ewropej billi tagħfas hawn.